Ryan Schembri ta’ 43 sena mill-Mellieħa, liebes ġakketta tad-ditta, jeans u trainers tressaq quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea mixli b’ħasil ta’ flus, misapproprjazzjoni, frodi, li għamel qligħ frawdolenti, li offra servizzi ta’ investiment finanzjarju mingħajr liċenzja u li xjentement għamel użu minn dokumenti foloz. Huwa tressaq il-Qorti jumejn wara li ġie estradit mill-Iskozja.
L-Avukat Karl Muscat, f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-iIpettur Anthony Scerri qed imexxu l-prosekuzzjoni fil-konfront ta’ lil Schembri. Mitlub jagħti d-dettalji tiegħu fil-qorti, Schembri ikkonferma l-età tiegħu., iżda inizjalment kien eżitanti meta mitlub jagħti l-indirizz tiegħu.
Huwa qal lill-Qorti li kien jaħdem għal rasu. Schembri wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. L-avukat tiegħu, Roberto Montalto wkoll iddikjara nuqqas ta’ ħtija anke f’isem il-kumpaniji ta’ Schembri, Cassar and Schembri Marketing ltd u Food World Ltd.
Waqt li talab ordni ta’ ffriżar fil-konfront tal-akkużat, l-Avukat Muscat qal lill-Qorti li Schembri kellu assi finanzjarji barra minn Malta, il-pulizija qabdu wkoll ‘credi cards’ barranin propjeta tiegħu. Id-difiża ma oġġezzjonatx għat-talba għall-ordni ta’ ffriżar.
Il-qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni. Montalto qal li f’dan l-istadju ma kienet qed tintalab l-ebda talba għal libertà proviżorja peress li ma kellux l-opportunità li jsolvi l-arranġamenti dwar huwa kif se jgħix f’Malta. Montalto qal ukoll Schembri dejjem kellu l-ħsieb li jirritorna biex jindirizza l-kwistjonijiet li għandu., Ma riedx jiġi lura taħt dawn iċ-ċirkostanzi.
“Hemm interessi finanzjarji ta’ terzi li jistgħu joħolqu periklu għal Schembri fil-ħabs u riskju ta’ avviċinament minn priġunieri oħra li għandhom interess fil-każ tiegħu,” qal l-avukat, li talab lill-qorti biex tirrakkomanda lid-Direttur tal-Ħabsl-ħabs li jittieħdu passi malajr kemm jista’ jkun sabiex tiġi żgurata s-sigurtà ta’ Schembri.
Montalto ssuġġerixxa li l-qorti tirrakkomanda lid-Direttur tal-ħabs jikkomunika direttament mal-prosekuzzjoni jew mad-difiża biex jikseb informazzjoni aktar preċiża dwar it-theddid lil Schembri, mingħajr ma dawn ikunu żvelati fil-qorti bil-miftuħ. Il-qorti laqgħet it-talba. Schembri nżamm arrestat.
Ilu maħrub minn Malta mill-2014
Schembri kien ħarab mill-pajjiż fl-2014 allegatament b’€40 miljun f’djun irrappurtati li tħallew warajhom mill-falliment ta’ More Supermarkets. Inizjalment kien mar jgħix Dubai fejn kien impossibbli li jiġi estradit mill-Emirati Għarab Maqgħuda, minħabba l-fatt li m’hemmx trattat ta’ estradizzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
Wara mar joqgħod Londra, u aktar tard l-Iskozja. Dan kien wassal għal investigazzjoni mill-pulizija Maltija li sabet provi li juru li Schembri kien joqgħod fir-Renju Unit u kellu kontijiet bankarji, kif ukoll sieħeb hemmhekk. Ir-records tal-kumpaniji tar-Renju Unit juru wkoll kemm Schembri kif ukoll sieħbu Aviva Ryan fetħu żewġ kumpaniji f’Londra, Bors Trading u DAL Capital Partners.
Schembri ġie arrestat bis-saħħa ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew li kien inħareġ mill-Interpol xi snin ilu. Il-pulizija Maltija kienet preżenti fl-Iskozja għall-arrest. Huwa nġieb Malta fuq ajruplan privat nhar il-Ġimgħa għall-ħabta tas-7.00pm. L-ajruplan għamel ħin wieaq fi Franza għal fuel qabel ma tar lejn Malta.
Bħala kap tal-katina ta’ supermarket More li spiċċat falluta, jista’ jkun marbut mad-dejn tas-supermarket li wassal għall-qtil tal-avukat Carmel Chircop. Chircop kien wieħed mill-‘investituri’ fil-bust misterjuż ta’ More Supermarkets. L-avukat kien sellef €750,000 lil More Supermarkets f’Marzu tal-2014.
Fil-kuntratt dehru bħala debituri s-sieħeb fin-negozju ta’ Schembri Etienne Cassar, kif ukoll Adrian Agius, wieħed mill-irġiel arrestati għall-ewwel darba mill-pulizija f’Diċembru 2017 b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Flimkien, Schembri u Cassar, u Agius, kellhom ishma f’kumpanija konġunta oħra msejħa Interaa Holdings.
Agius, magħruf bħala ‘tal-Maksar’, qabel kien direttur marbut mas-supermarket More tal-Ħamrun. Agius kellu kariga ta’ direttur f’kumpanija relatata mal-azzjonist ewlieni ta’ More Ryan Schembri, Interaa Holdings, bl-azzjonisti jkunu magħmula minn Cassar & Schembri Marketing b’40%, M&R Construction 15% u Panelix Supplies 25% ta’ Schembri stess, u l-Imora Holdings ta’ Agius b’isħma ta’ 20%.