Il-Ħamis li għadda, George Hyzler għadda mill-ewwel stadju ta’ grilling mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, b’25 minn 28 membru ta’ dan il-kumitat tal-Parlament Ewropew japprovaw in-nomina tiegħu.
Huwa kien innominat biex jieħu l-kariga mill-gvern f’Jannar li għadda, u l-approvazzjoni formali mistennija tasal f’Mejju.
Hyzler, li t-terminu tiegħu bħala Kummissarju tal-Istandards f’Malta, kien se jispiċċa fl-2023, kien il-persuna li mexxa għadd ta’ investigazzjonijiet u rapporti dwar ksur tal-etika minn membri parlamentari u ministri tal-gvern – rapporti li wasslu għar-riżenja ta’ żewġ membri tal-Kabinett; Rosianne Cutajar u Justyne Caruana.
Politiċi oħrajn, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, ukoll instabu li kisru l-etika minn Hyzler.
L-Editorjal tal-Independent tas-Sibt, ifakkar kif il-ħidma ta’ Hyzler sabet kritika mill-gvern, bl-eks Whip tal-PL Glenn Bedingfield jkun wieħed mill-ikbar kritiċi ta’ Hyzler, fejn sostna li l-Kummissarju tal-Istandards ma kienx qed jagħmel xogħolu kif suppost u kien saħaq li l-Labour ma missux daħħal f’din il-kariga eks Membru Parlamentari tal-PN.
L-Editur jispjega kif dan kien sar fi żmien meta Hyzler kien sab li l-Ministru Carmelo Abela kien kiser l-etika billi uża fondi pubbliċi biex jikkummissjona reklam li kien promozzjoni personali. Dak ir-rapport sussegwentement ma ġiex adottat, wara li l-Ispeaker Anglu Farrugia ddeċieda li jastjeni minn votazzjoni tal-kumitat.
L-Independent tgħid li hawn min jaħseb li x-xogħol ta’ Hyzler fil-konfront ta’ nuqqasijiet tal-Gvern, u l-kritika li ġab miegħu dan ix-xogħol, wasslu għan-nomina ta’ Hyzler fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Meqjus sempliċiment mezz konvenjenti użat mill-gvern biex iwarrab mill-irwol il-persuna li kixef ħafna ħażen.
Meta mistoqsi dwar dan, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan ma kienx il-każ. Dan filwaqt li jibqa’ l-fatt li l-mandat ta’ Hyzler twaqqaf sena qabel skada l-kuntratt.
L-editorjal jgħid li bla dubju, li issa tqum il-mistoqsija ta’ min se jinħatar Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li jista’ jinħatar biss b’vot ta’ mill-anqas żewġ terzi tal-Parlament.
Bl-Independent tgħid li “dan se jkun wieħed mill-ewwel testijiet ta’ governanza għall-PL f’din il-leġislatura.”
//= $special ?>