Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, fl-ewwel kummenti tiegħu wara li rebaħ mandat ġdid ta’ tmexxija għall-ħames snin li jmiss, qal li l-ewwel priorità tiegħu se tkun li jnissel l-għaqda fost il-Franċiżi filwaqt li jkompli jaħdem fl-aħjar interessi tal-pajjiż.
Madankollu, u waqt li l-partitarji ta’ Macron kienu qed jiċċelebraw fiċ-ċentru ta’ Pariġi, ftit hemm dubju li Franza għadha qed tiffaċċja problemi kbar, fosthom minn lat ekonomiku. Dan meta Macron qed jaħseb biex jimplimenta riformi sostanzjali fis-sistema tal-pensjoni nazzjonali u li mgħandhomx jinżlu tajjeb ma’ numru kbir ta’ Franċiżi.
Ir-rebħa ta’ Macron fit-tieni rawnd tal-elezzjoni għall-Presidenza Franċiża kienet akbar milli mistenni – b’58.55 fil-mija kontra l-41.45 fil-mija għall-isfidanta diretta, Marine Le Pen.
U waqt li Macron wiegħed lill-poplu li se jkun ‘il-President ta’ kulħadd’ jibqa’ il-fatt, li Le Pen, il-kandidat estremista tal-lemin, saret l-aktar rappreżentanta ta’ din il-faxxa politika li qatt kisbet appoġġ f’elezzjoni ta’ dan il-livell.
L-elezzjoni għall-Presidenza kellha wkoll element sinifikattiv peress li Macron sar l-ewwel President Franċiż fil-kariga li rebaħ it-tieni elezzjoni konsekuttiva f’perjodu ta’ 20 sena.
Min-naħa tagħha, Marine Le Pen, li għandha 53 sena, qalet li l-appoġġ tagħha fuq livell nazzjonali ‘kapaċi jitqies bħala rebħa għaliha u l-partit tagħha’, bl-isem Rally Nazzjonali.
Madankollu, Eric Zemmour, politiku ieħor estremista tal-lemin u rivali kbir ta’ Le Pen, insista li Marine Le Pen, kollox ma kollox, falliet fl-ambizzjonijiet tagħha. Zemmour żied li Le Pen – l-istess bħal missiera, Jean-Marie Le Pen li kien imexxi qabilha lill-estremisti tal-lemin Franċiżi – ‘kompliet fit-triq tat-telf fejn irrepetiet l-istess riżultati deludenti ta’ snin ilu’.
//= $special ?>

