L-ewwel Grand Prix tal-Kampjonat Dinjija Voomquest Enemed UIM V2 2022 ikkonkluda b’suċċess il-Ħadd wara nofsinhar f’ġurnata mimlija emozzjonijiet.
It-tiġrija tal-Klassi Cyber, li fit-tielet u l-aħħar ġurnata ta’ kompetizzjoni kienet tikkonsisti f’korsa itwal intrebħet minn Laia Zammit tat-tim El Diablo. Zammit ħadet t-tielet u l-aħħar bandiera taċ-Cyber Class għal tmiem il-ġimgħa. Il-bidu tat-tellieqa rat lil Bad Company ta’ Clive Butler jieħu l-vantaġġ iżda malajr inqabeż minn Zammit li żammet vantaġġ stabbli matul it-tellieqa kollha. Bit-tlielaq kompluti kienet Bad Company li ħadet ir-rebħa ġenerali fl-ewwel tiġrija tas-Cyber Class Series ta’ din is-sena, segwita minn The Element Racing Team (Celine Farrugia) u El Diablo (Laia Zammit).
Intant, ma kien hemm l-ebda dubju li t-tiġrija tal-V2 tal-lum kienet se tkun duell bejn Freccia Blu u El Diablo li t-tnejn kisbu rebħa kul wieħed fl-ewwel jumejn tal-GP. Bidu mill-qrib bejn it-tnejn malajr ra lil Freccia Blu jieħdu l-vantaġġ u jagħtu prestazzjoni bla difetti biex jiżguraw li kienu stabbilixxew distakk tajjeb quddiem El Diablo.
“Ninsabu ferħanin li kkonkludejna tmiem il-ġimgħa daqshekk ta’ azzjoni ta’ Voomquest. Voomquest mhuwiex biss avveniment ta’ tlielaq, huwa esperjenza ta’ stil ta’ ħajja li qed titgawda minn ħafna dilettanti. Dan il-weekend kien l-eżempju perfett ta’ x’inhu Voomquest” stqarr b’entużjażmu Aaron Ciantar, Fundatur tal-Voomquest. “Ma nistgħux nesprimu biżżejjed l-gratitudni lejn l-isponsors tagħna, l-awtoritajiet u ovvjament it-timijiet li taw kontribut lejn is-suċċess tal-ewwel GP.”
//= $special ?>