Lokali Qorti

Il-kumpilazzjoni ta’ Ryan Schembri fuq frodi u ħasil ta’ flus se tibda tinstema’ għada

Il-kumpilazzjoni tan-Negozjant Ryan Schembri suspettat fuq frodi u li qed iwieġeb mhux ħati fil-Qorti Maltija wara li ġie estradit lura mill-Iskozja nhar il-Ġimgħa se tibda għada t-Tlieta quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. Wara tmien snin maħrub, Schembri ta’ More Supermarket qed jiġi mixli wkoll b’ħasil ta’ flus,

Meta tressaq il-Qorti nhar il-Ħadd filgħodu l-avukat difensur tiegħu Roberto Montalto qal li l-klijent tiegħu dejjem ippjana li jirritorna lura, u ħarab biss minħabba li kien qed jibża għas-sigurtà tiegħu u tal-familja tiegħu. Schembri ta’ 43 sena huwa l-eks Direttur ta’ More Supermarket, Huwa kien ħarab mill-pajjiż fl-2014 ma’ martu u ibnu wara li allegatament numru ta’ persuni li kellhom jieħdu flus kien bdew jheddu lilu u lill-familja tiegħu fosthom lil ibnu,

Fl-ewwel seduta mistennija jixhdu diversi uffiċjali għolja tal-Pulizija li ħadmu fuq il-mandat ta’ arrest u fuq il-provi relatati ma’ ħasil ta’ flus u finanzi li allegatament għaddew b’mod illeċtu. Meta ħarab, ħalla miljuni f’dejn, u ħalla diversi nies, inklużi l-eks impjegati tiegħu lampa stampa.

Schembri nqabad meta l-pulizija Skoċċiża wara li waqqfuh biex jagħtuh ċitazzjoni minħabba li kien qed isuq b’veloċità qawwija. Schembri residenti l-Mellieħa huwa l-kuġin ta’ Keith Schembri, eks chief of staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u allegatament għandu djun li jlaħħqu l-40 miljun ewro.

Huwa kien ħarab minn Malta u allegatament ħalla €40 miljun f’djun irrappurtati mill-falliment ta’ More Supermarkets. Inizjalment kien mar jgħix Dubai fejn kien impossibbli li jiġi estradit mill-Emirati Għarab Maqgħuda, minħabba l-fatt li m’hemmx trattat ta’ estradizzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.

In-negozju fallut jista’ jkun marbut mad-dejn tas-supermarket u li jallegatament wassal għall-qtil tal-avukat Carmel Chircop. Chircop kien wieħed mill-‘investituri’ ta’ More Supermarkets. L-avukat Chircop kien sellef €750,000 lil More Supermarkets f’Marzu tal-2014.

Wara mar joqgħod Londra, u aktar tard l-Iskozja. Dan kien wassal għal investigazzjoni mill-pulizija Maltija li sabet provi li juru li Schembri kien joqgħod fir-Renju Unit u kellu kontijiet bankarji, kif ukoll sieħeb hemmhekk. Ir-records tal-kumpaniji tar-Renju Unit juru wkoll kemm Schembri kif ukoll sieħbu Aviva Ryan fetħu żewġ kumpaniji f’Londra, Bors Trading u DAL Capital Partners.

Schembri ġie arrestat bis-saħħa ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew li kien inħareġ mill-Interpol xi snin ilu. Il-pulizija Maltija kienet preżenti fl-Iskozja għall-arrest. Huwa nġieb Malta fuq ajruplan privat nhar il-Ġimgħa għall-ħabta tas-7.00pm. L-ajruplan għamel ħin wieaq fi Franza għal fuel qabel ma tar lejn Malta.

Fil-kuntratt dehru bħala debituri s-sieħeb fin-negozju ta’ Schembri Etienne Cassar, kif ukoll Adrian Agius, wieħed mill-irġiel arrestati għall-ewwel darba mill-pulizija f’Diċembru 2017 b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Flimkien, Schembri u Cassar, u Agius, kellhom ishma f’kumpanija konġunta oħra msejħa Interaa Holdings.

Agius, magħruf bħala ‘tal-Maksar’, qabel kien direttur marbut mas-supermarket More tal-Ħamrun. Agius kellu kariga ta’ direttur f’kumpanija relatata mal-azzjonist ewlieni ta’ More Ryan Schembri, Interaa Holdings, bl-azzjonisti jkunu magħmula minn Cassar & Schembri Marketing b’40%, M&R Construction 15% u Panelix Supplies 25% ta’ Schembri stess, u l-Imora Holdings ta’ Agius b’isħma ta’ 20%.

L-Avukat Karl Muscat, f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Anthony Scerri qed imexxu l-prosekuzzjoni fil-konfront ta’ lil Schembri li għalih qed jidher l-Avukat Roberto Montalto.