Luxol jinsabu pass bogħod milli jiksbu post fil-finali tal-play-offs tal-Enemed Premier League meta ftit sabu diffikulta sabiex jegħlbu lil Ta’ Xbiex 6-1.
It-tim minn St Andrews iddomina l-partita mill-bidu sal-aħħar bil-plejer Brażiljan Maicon il-protagonista assolut hekk kif skorja erba’ gowls. Melvin Borg u Everton Veve għaqqdu n-nofs tuzzana għat-tim tagħhom.
Ta’ Xbiex, li waslu sa din il-fażi għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom, naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Redeemer Borg.
Iż-żewġ naħat jiltaqgħu għat-tieni leg nhar l-Erbgħa li ġejjin.
Mill-banda l-oħra, it-tieni semifinali bejn Valletta u l-Universita’ ta’ Malta kienet ferm iktar bilanċjata kif jindika l-iskor finali ta’ 4-4.
Kienet partita ferm akkanita biż-żewġ timijiet li ma ċedewx pulzier bit-tieni leg li se jintlagħab il-Ġimgħa li ġej li għandu jkun wieħed interessanti.
Valletta skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ Zvezdan Vukovic, Brayan Stiven, Andre Cachia u Emerson Felipe filwaqt li l-Universitarji rrispondew grazzi għad-doppjetti ta’ Guillherme Fonseca u Mohammed Elamari.
Mill-Enemed Futsal Challenger play-offs, Naxxar Lions u Siġġiewi Futsal għaddew għas-semifinali wara li rebħu l-konfronti rispettivi tagħhom.
Calvin Scicluna kien il-protagonista prinċipali għal Naxxar hekk kif skorja hat-trick fir-rebħa kbira ta’ 11-0 kontra Qormi Futsal. Kienet logħba li n-Naxxarin iddominaw mill-bidu sal-aħħar bil-Qriema li ftit setgħu jagħmlu sabiex irażżnu l-furja tal-avversarji.
Sadanittant Jurgen Gauci, Andrew Scerri, Matthew Camilleri, Josef Azzopardi, Matthew Buttigieg, Clyde Bonavia, Darren Grech u Antoine Barbara ukoll kellhom is-sodisfazzjon li jsibu x-xibka.
Siġġiewi Futsal ukoll kellhom wirja brillanti kontra Żurrieq FC hekk kif rebħu 6-1. Bledi Alla u Jean Lopes Leite skorjaw doppjetta filwaqt li Ryan Muscat u Dale Vella żiedu l-iskor għat-tim tagħhom.
Boycho Marev skorja l-uniku gowl għaż-Żrieraq.
B’hekk fis-semifinali li jintlagħbu fi tmiem il-ġimgħa li ġej, Mellieħa jiltaqgħu kontra Siġġiewi filwaqt li St George’s jaffaċjaw lil Naxxar Lions.
//= $special ?>