Żewġ membri tal-Protezzjoni Ċivili ħelsuha ħafif, hekk kif ftit mumenti qabel daħlu f’kamra partikolari, seħħet splużjoni qawwija f’zona ta’ maħżen ta’ fabbrika fejn kien hemm ammont sostanzjali ta’ diesel u anke kartun.
Il-maħżen li ħa n-nar hu propjetà tal-kumpanija Topsy, li timmanifattura t-Twistees u jinsab fi Triq il-Ħarrub f’Santa Venera. Dak il-ħin, għall-ħabta ta’ bejn l-4.15pm u l-4.30pm, il-persuni li kellhom il-vettura pparkjati ntalbu jċaqilquhom minħabba ħġieġ li beda jitkisser u jtir ‘il barra… filwaqt li jagħtu spazju lil vetturi tal-protezzjoni ċivili.
Fil-post waslu diversi vetturi tat-tifi tan-nar u ambulanzi, b’timijiet mediċi kellhom jassistu lil membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li belgħu xi duħħan. Dan fost periklu kbir għal dawn il-ħaddiema, li kellhom bżonn diversi sigħat biex jikkontrollaw in-nirien.
Min-naħa l-oħra, s’issa jidher li ħadd ma weġġa’, bid-daħna qawwija li ħarġet mill-maħżen dehret sew minn lokalitajiet differenti fil-qrib.
Fortunatament, il-ħaddiema li kien hemm fil-maħżen fil-waqt li tkebbes in-nar, irnexxilhom joħorġu barra fit-triq fil-ħin.
Fuq il-post kien hemm is-sid tal-kumpanija li minkejja li ma sofra mill-ebda feriti, kellu xokk kbir fuqu.
Ritratti: Martin Agius