Lokali

Raġel aggredit u fil-periklu tal-mewt – imfittxija xi persuni

Awstrijak spiċċa fil-periklu tal-mewt wara li kien aggredit f’ħanut f’San Ġiljan.

Il-każ seħħ fid-disgħa tal-Ħadd filgħaxija fix-Xatt ta’ San Ġorġ meta fil-post ġew imsejħa uffiċjali tal-Pulizija fejn irriżultalhom li l-barrani ta’ 47 sena kien ġie aggredit minn xi persuni li laħqu ħarbu mill-post sakemm waslu l-uffiċjali.

Fil-post ġie msejjaħ l-għajnuna ta’ tim mediku tal-ambulanzi li ħa lir-raġel l-Isptar Mater Dei b’urġenza fejn aktar tard ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea li ħatret inkjesta.

Il-Pulizija għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet meħtieġa u bi tfittxija tas-suspettati involuti.