Lokali

Se jiġu ordnati ħames djakni ġodda

L-Arċisqof Charles J. Scicluna se jordna ħames djakni ġodda nhar is-Sibt li ġej bil-quddiesa se ssir fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fid-9:30 ta’ filgħodu.

Il-ħames djakni huma tliet seminaristi u żewġ reliġjużi. It-tliet seminaristi huma Gylan Camilleri mill-Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il-Għajn; Ian Diacono mill-Parroċċa ta’ Stella Maris, Tas-Sliema; u Clive Seychell mill-Parroċċa ta’ San Ġużepp, il-Kalkara. Iż-żewġ reliġjużi huma Fra Manwel Aquilina tal-Beata Marija tal-Inkarnazzjoni, tal-Ordni Karmelitan Tereżjan u Fra Ian Zammit, tal-Ordni tal-Predikaturi.

Permezz ta’ din l-ordinazzjoni, id-djakni l-ġodda jsiru xebh ma’ Ġesù Kristu li ried ikun ‘djaknu’, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd. Id-djaknu jiddedika ħajtu għall-qadi bl-imħabba fis-servizz tiegħu lejn il-poplu, jassisti lill-isqof u lis-saċerdoti fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri qaddisa, l-aktar tal-Ewkaristija, jamministra s-sagrament tal-magħmudija, jassisti għaż-żwieġ u jbierku, ixandar l-Evanġelju u jipprietkah, u jmexxi l-funerali.