Lokali Qorti

Sitwazzjoni diżastruża f’Mater Dei – Anzjani jistennew għal sigħat twal biex jarahom tabib

Anzjani ferm vulnerabbli wħud minnhom li għandhom aktar minn 90 sena qegħdin jgħaddu minn martirju meta jittieħdu l-isptar Mater Dei għaliex idumu jistennew għal sigħat sħaħ biex jarahom tabib. Dan il-fenominu xokkanti qed jiġri wkoll matul il-lejl. 

Fost l-anzjani hemm numru li jintbagħtu minn xi home għaliex ma jħossuhomx tajjeb bit-tobba u n-nurses tal-home jiddikjaraw li dawn għandhom bżonn il-kura mill-isptar. Hemm minnhom li jkunu akkumpanjati minn xi ħadd u oħrajn li ma jkollhom lil ħadd jittieħdu waħedhom b’ambuilanza minn xi dar tal-anzjani.

L-aktar xokkanti huwa li dawn jitħallew fil-kurituri għal sigħat sħaħ, xi kultant anke tmien sigħat mingħajr ma jitrejjqu u b’mod mill-aktar skomdu. Familja minnhom qalet lil NET News li pazjent ta’ 96 sena, ittieħed Mater Dei mill-home fis-6.00pm u dan jistenna seba’ sigħat biex jarah tabib, biex wara reġa’ intbagħat lura l-home wara s-1.00am. mingħar ma trejjaq ftit. 

Meta wasal lura l-home ftit wara reġa’ ntbagħat l-isptar għax tal-home ma kienux kuntenti bil-kura mogħtija.Ġara li huwa ntbagħat lura l-isptar fit-3.15a.m. biex fis-6.30 reġa’ spiċċa l-home, skariġġ li mhux qed jagħmel ġid lil dan il-pazjent.

Dan mhuwiex xi każ iżolat u hemm bżonn li jsir xi ħaġa għaliex it-tbatija qed taqa’ fuq l-anzjani li suppost qed jgħixu l-aħħar parti ta’ ħajithom fit-trankwilita.Meta membri tal-familja jmorru jistaqsu meta jmisshom dawn jingħataw diversi tweġibiet, fosthom li l-każ tagħhom mhux wieħed urġenti jew għandna nuqqas ta’ tobba. Ħafna huma dawk li ma jifilħux aktar jaraw lil anzjani kif ukoll anqas anzjani jiġħu trattati b’dan il-mod.