Internazzjonali

Slovenja: Disfatta elettorali kbira għall-Prim Ministru Jansa…Suċċess għal Robert Golob

Il-Prim Ministru tas-Slovenja, Janez Jansa, sofra telfa kbira fl-elezzjonijiet għall-Parlament u fejn ir-rebbieħ kbir kien partit orjentat lejn ix-xellug u li ilu mwaqqaf biss minn Jannar.

Il-Partit Demokratiku Sloven ta’ Jansa rebaħ 24 filmija tal-vot f’disfatta kbira u meta l-Moviment għall-Ħelsien tal-eks negozjant Robert Golob kiseb 35 fil-mija tal-appoġġ popolari.

Il-pronostiku sa mill-bidunett ma kienx qed jidher tajjeb għal Jansa, minħabba allegazzjonijiet li l-eks Prim Ministru kien qed itellef l-amministrazzjoni tal-liġi f’dan l-eks Stat tal-Jugoslavja l-antika.

Intant, Robert Golob qal li r-rebħa tal-partit tiegħu għandha tirritorna lis-Slovenja fit-triq tal-libertà u d-demokrazija.

Dan meta Jansa – magħruf bħala sostenitur kbir tal-eks President Amerikan Donald Trump —  kien qed jipprova għar-raba’ mandat konsekuttiv bħala Prim Ministru Sloven.

Iżda waqt li Jansa mexxa l-kampanja tiegħu fuq wiegħda għal stabbilità, il-kritiċi tiegħu allegaw li l-eks Prim Ministru kien ilu s-snin inaqqar mill-kriterji demokratiċi fis-Slovenja fost azzjonijiet biex jillimitaw il-libertà tal-istampa.

Jansa anki kellu t-tilwim fit-tul mal-Unjoni Ewropea dwar l-ambizzjoniiet tiegħu biex jonqos il-finanzjament għall-aġenzija tal-aħbarijiet nazzjonali. Dan waqt li hu anki prova jitfa’ lura l-ħatra ta’ prosekuturi għal entità ġudizzjara ġdida  li qed tipproċessa l-korruzzjoni

Sadanittant, Robert Golob hu wiċċ relattivament ġdid fil-politika u sa ftit ilu kien iċ-Chairman tal-kumpannija tiegħu li tispeċjalizza fl-investimenti fis-settur tal-enerġija.