John Rizzo Naudi baqa’ sal-aħħar jgħix il-ħajja pubblika u politika b’dedikazzjoni għall-ġid komuni, fejn b’lealtà u entużjażmu, ta ħafna għall-pajjiż. Kien pijunier b’viżjoni.
Kliem l-Isqof Awżiljarju Monsinjur Joseph Galea Curmi fl-Omelija matul l-Aħħar Tislima li nżammet fil-Knisja Arċipretali tal-Imsida lill-Professur John Rizzo Naudi, l-eks Segretarju Parlamentari fi gvernijiet immexxija minn Eddie Fenech Adami li ħadem bla nifs biex isaħħaħ is-servizzi ta’ Nursing u dawk tal-Kura tal-Anzjani.
Monsinjur Galea Curmi fakkar fil-kisbiet ewlenin tal-Professur Rizzo Naudi, partikolarment il-ħolqien tal-Istitut għall-Kura Medika u servizzi għall-anzjani li għadhom jitgawdew sal-lum, bħat-Telecare u l-bini ta’ diversi Residenzi għall-Anzjani fil-lokalitajiet.
Hu kompla li pajjiżna għandu bżonn aktar nies bħal John Rizzo Naudi, speċjalment għall-integrità li dejjem wera fil-ħajja pubblika. Hu għalhekk li anke rringrazzja lil Alla għall-ġid li trasmetta b’din il-persuna.
L-Isqof Awżiljarju qal li l-Professur Rizzo Naudi għex il-fidi mingħajr sens ta’ inferjorità u ħabb il-Knisja ta’ Kristu u l-ħidma tagħha, partikolarment il-Knisja Missjunarja, tant li anke kien il-Fundatur tal-għaqda Voluntiera Lajċi Missjunarji.
Għall-Quddiesa attendew diversi personalitajiet, fosthom l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, bħall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi u anke l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia.
//= $special ?>