Ambjent Lokali

Appell ieħor biex ikun salvat Wied Żnuber

Flok ħareġ bi pjan serju, il-Gvern għażel l-aktar triq ħafifa u ta’ ħsara, fejn is-sit f’Wied Żnuber, li jikkonsisti minn raba’ li jinħadem u xagħri, u ta’ importanza ekoloġika u storika, ser ikun qed jintradam sabiex jiġi livellat u tkun tista’ tinbena strippa twila ta’ tarmac u struttura ta’ clubhouse.

Kien dan il-qofol ta’ diskussjoni li saret bejn numru ta’ bdiewa u rappreżentanti tal-NGOs flimkien mal-Kelliem għall-Ippjanar Stanley Zammit, mal-Kelliema għall-Ambjent Janice Chetcuti, mal-Kelliema għall-Aartijiet Rebekah Cilia u mal-Kelliema għall-NGO’s Graziella Galea, fil-post fejn il-Gvern iddeċieda, minn wara daharhom, li jibni mitjar tal-mudelli tal-ajruplani fuq medda ta’ 44 tomna ta’ art, ekwivalenti għal sitt grawnds tal-futbol.

Il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li l-Partit Nazzjonalista jifhem il-preokkupazzjoni tad-dilettanti tal-mudelli tal-ajruplani, wara li, b’nuqqas ta’ pjannar u wara ħafna tlajjar minn naħa tal-Gvern, il-Gvern ried jgħaġġel biex joħroġ b’xi tip ta’ pjan għal trakka tal-karozzi qabel l-elezzjoni bl-anqas ħsieb għar-rilokazzjoni tal-faċilitajiet tagħhom u wisq anqas għall-ambjent.

Fl-aħħar ġranet ġie żvelat li sar ftehim minn wara dahar dawk ikkonċernati u mingħajr ebda konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Birzebbuga jew mar-residenti sabiex issir applikazzjoni fejn il-permess jingħata b’Development Notification Order (DNO); jiġifieri b’sempliċiment notifika lill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) mingħajr studji ambjentali u mingħajr mal-pubbliku jkollu ċans joġġezzjona.

Il-Partit Nazzjonalista appella lill-Gvern sabiex waqt li jsib post alternattiv għad-dilettanti tal-mudelli tal-ajruplani u l-Ħal Far Model Flying Association mingħajr ma tinqered il-kampanja bid-dawl u l-istorbju ġġenerat mit-titjir tal-mudelli tal-arjuplani, jirrevoka il-ftehim iffirmat il-Ħadd 13 ta’ Frar, 2022 u jirtira l-pjanijiet li tiġi żviluppata b’konkos u tarmac din il-medda art li tmiss ma’ sit tan-Natura 2000.

Il-Partit Nazzjonalista insista li l-Prim Ministru mill-kliem jgħaddi għal fatti u kif wiegħed ma jsir l-ebda żvilupp fiz-zonq inkwistjoni u li din iz-zona tiġi ddikjarata bħala ODZ u tibqa’ buffer zone bejn iz-zona industrijali u s-sit ta’ Natura 2000.