Edukazzjoni Lokali

Fondazzjoni Sagħtar tniedi app għas-Sagħtar

Ir-rivista popolari Sagħtar maħruġa mill-Fondazzjoni Sagħtar nediet applikazzjoni diġitali. Din l-inizjattiva saret b’investment ta’ €20,000 mill-iskema VOPS.

Elaine Germani, iċ-Chairperson ta’ Fondazzjoni Sagħtar, spjegat li din l-app li hija b’xejn hija kontinwazzjoni naturali tal-proġetti mwettqa mill-Fondazzjoni sabiex is-Sagħtar jasal għand it-tfal tal-lum.  “Mit-twaqqif tal-Fondazzjoni kellna idea ċara li s-Sagħtar ma jistax jibqa’ biss rivista stampata imma rridu nagħmlu qabża fit-teknoloġija sabiex nilħqu aktar tfal. Apparti r-rivista kif nafuha, permezz tal-app ser ikunu jistgħu wkoll jisimgħu stejjer bil-Malti waqt li qegħdin jaqrawhom, flimkien ma’ numru ta’ features oħra ġodda. Nittamaw li t-tfal u l-ġenituri tagħhom jilqgħu din l-istedina tagħna sabiex flimkien inkomplu nħeġġu l-gost tal-qari u t-tagħlim bil-Malti.” 

Marco Bonnici, President tal-MUT, irringrazzja lill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat tal-fondi sabiex twettaq dan il-proġett. “Fondazzjoni Sagħtar fi ħdan l-MUT, permezz ta’ dawn il-fondi, qed tkompli twettaq l-iskop ewlieni, jiġifieri li taqdi funzjoni soċjali u edukattiva fost l-edukaturi u l-istudenti Maltin u Għawdxin. Bħala MUT ser inkomplu nsostnu l-ħidma tal-Fondazzjoni għal dawn l-inizjattivi, li huma parti mir-rwol professjonali li l-Union tħaddan, apparti r-rwol trejdjunjonistiku.” 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju (MCVS) Mauro Pace Parascandolo qal li “wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-MCVS huwa li jsostni lill-għaqdiet volontarji fil-ħidma tagħhom fil-komunità.” Pace Parascandolo kompla jgħid li dan il-proġett, li kien jilħaq dawn il-kriterji, kien mgħejjun permezz ta’ fondi taħt l-iskema VOPS sabiex din l-inizjattiva, li bosta minna niftakru fi tfulitna titkompla. Il-Kap Eżekuttiv kkonluda jgħid li “bl-għajnuna tal-fondi il-Fondazzjoni Sagħtar ser tkun qed tippubblika r-rivista “Sagħtar” bħala pubblikazzjoni diġitali, aċċessibbli u aktar iffukata fuq l-aspett interattiv.”