Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia ġiet innominata għall-Premju prestiġjuż taċ-Ċittadin Ewropew.
L-MEP David Casa nnomina lill-Fondazzjoni u faħħarha għall-ħidma tagħha biex tippromwovi l-istat tad-dritt, tiġġieled għall-ġustizzja, u tistinka biex tintemm l-impunità.
“Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia kienet fuq quddiem nett kontra l-korruzzjoni tal-istat,” qal Casa. “Ix-xogħol tagħha biex jiġi assigurat l-aċċess għall-informazzjoni u t-twettiq tad-drittijiet fundamentali permezz tal-promozzjoni għal governanza tajba kienet bla paragun u meħtieġa.
“Kienu pijunieri fil-ħolqien tas-soċjetà ċivili matul perjodu fl-istorja tagħna, li fih s-soċjetà ċivili lagħbet rwol vitali.”
Din il-Fondazzjoni ġiet innominata għall-promozzjoni tad-drittijiet ewlenin li huma minquxa fil-Karta tal-Libertajiet Fundamentali. Din l-organizzazzjoni qed tagħmel dan permezz tal-ħolqien ta’ kuxjenza, tisħiħ tal-kapaċitajiet, u litigazzjoni mmirata biex iġġib il-bidla.
“Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ħasad lid-dinja kollha. Għal Malta, kixef difetti evidenti fil-mod ta’ kif Malta kienet qed tiġi ggvernata, fil-mod ta’ kif l-istituzzjonijiet tagħha ġew imminati, u fil-mod ta’ kif kien tnaqqar l-istat tad-dritt.”
Il-ħidma tal-Fondazzjoni hija vitali fil-promozzjoni tal-valuri Ewropej, u sservi biex tiddefendi u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.
“Dawn huma prinċipji essenzjali li mingħajrhom ma nkunux qed ngħixu f’demokrazija.”
Casa spjega li l-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia kienet proġett li fih ġew immobilizzati avukati, attivisti u ġurnalisti biex jisfidaw direttament abbuż tal-poter mill-Gvern Malti, u ħadmu b’mod attiv biex terġa’ tiġi rrestawrata s-saltna tad-dritt permezz tal-mekkaniżmi u l-għodod kollha disponibbli.
F’Settembru, il-Fondazzjoni ħabbret il-Public Interest Litigation Network (PILN), l-ewwel inizjattiva f’Malta ta’ aċċess għall-ġustizzja, magħmula minn avukati u ditti legali li joffru rappreżentanza legali lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni, ksur tad-drittijiet tal-bniedem, abbuż ta’ poter u kollużjoni tal-istat fil- attività kriminali.
L-iskop tal-PILN huwa li jinħolqu preċedenti legali biex itejbu l-governanza tajba u l-kredenzjali tad-drittijiet tal-bniedem f’Malta, u li jnaqqas l-azzjoni abbużiva mill-istat permezz ta’ azzjoni legali.
Il-Fondazzjoni waqqfet il-Malta Investigative Journalism Centre (MIJC), pjattaforma kollaborattiva biex tħarreġ u tagħti aktar għodod lill-ġurnalisti indipendenti biex jinvestigaw stejjer ta’ interess pubbliku. Permezz tal-pubblikazzjoni inizjali tal-Passport Papers, f’April li għadda nediet investigazzjoni konġunta dwar il-bejgħ ta’ passaporti minn Malta bħala tranżazzjoni legalizzata.
Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia twaqqfet mill-familja tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia wara l-qtil tagħha fl-2017, biex tiġi żgurata ġustizzja effettiva għall-qtil tagħha, biex tissalvagwardja l-ħidma tagħha, u biex issaħħaħ is-soċjetà ċivili u l-midja.
Wara sentejn ta’ attiviżmu ċiviku u battalji legali, twaqqfet inkjesta pubblika indipendenti dwar iċ-ċirkustanzi tal-qtil ta’ Daphne. Sabet li l-qtil tagħha kien kemm prevedibbli kif ukoll prevenibbli u li l-istat Malti għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-ħolqien ta’ kultura ta’ korruzzjoni u impunità li ppermettiet il-qtil tagħha.
//= $special ?>