Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-Finlandja u l-Iżvezja qed jidhru eqreb ta’ sħubija fin-NATO

Ir-rapporti mill-Finlandja u l-Iżvezja qed jgħidu li ż-żewġ pajjiżi Skandinavi, ix-xahar id-dieħel, għandhom iħabbru ‘simultanjament’ l-intenzjonijiet tagħhom biex japplikaw għal sħubija fin-NATO.

B’hekk, l-indikazzjonijiet huma li ż-żewġ pajjiżi huma eqreb minn qatt qabel li jsiru membri tal-Alleanza tal-Punent. Dan minkejja t-theddid kontinwu tar-Russja ‘biex  l-Iżvezja u l-Finlandja ma jieħdux passi li, bihom, ikunu qed jissugraw il-konsegwenzi aktar ‘il quddiem’.

Il-media fil-Finlandja qalet li l-Prim Ministru Finlandiża Sanna Marin u l-Prim Ministru tal-Iżvezja, Magdalena Andersson, jistgħu jiltaqgħu fil-ġimgħa tas-16 ta’ Mejju biex iħabbru l-applikazzjoni tagħhom għal sħubija fin-NATO.

Il-Finlandja u l-Iżvezja  ilhom is-snin isegwu politika ta’ newtralità fuq livell militari bil-ħsieb li jevitaw xi konflitt mal-potenzi nukleari.

Iżda l-Prim Ministru Marin, waqt żjara fl-Iżvezja aktar kmieni fix-xahar, qalet li ‘kollox inbidel’ wara li r-Russja attakkat lill-Ukrajna. Hi  sostniet li ‘Helsinki għandu jkun ippreparat għal kull tip ta’ azzjoni min-naħa tar-Russja’.

Il-media fl-Iżvezja, intant, qalet li l-Istati Uniti u r-Renju Unit qablu biex jipprovdu ‘appoġġ fuq livell ta’ sigurtà’ lil pajjiżhom u l-Finlandja, matul il-proċess tal-applikazzjoni.

Ir-rapporti qalu li l-appoġġ min-naħa tar-Renju Unit u l-Istati Uniti għandu jinkludu żidiet fl-ammonti tat-truppi fiż-żewġ pajjiżi Nordiċi. Għandha wkoll tasal għajnuna addizzjonali ( lill-Iżvezja u l-Finlandja) f’dak li jirrigwarda kooperazzjoni bejn is-servizzi internazzjonali u preżenza akbar ta’ bastimenti tal-gwerra tan-NATO fil-Baħar Baltiku.