Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, wiegħed li pajjiżu għandu jżid il-materjal nukleari li kapaċi jintuża għal proġetti militari. Hu qal dan waqt parata militari biex timmarka l-anniversarju mit-twaqqif tal-qawwiet armati tal-Istat komunista u fejn Kim Jong-un ma żammx lura mill-kummenti aggressivi li dehru indirizzati għall-ġirien tiegħu, flimkien mal-Istati Uniti.
F’din il-parata spikkaw il-missili ballistiċi interkontinentali li huma projbiti mill-komunità internazzjonali. Intant dehru wkoll missili ballistiċi ta’ kalibri differenti minbarra missili tat-tip hypersonic.
Dan wara li l-Korea ta’ Fuq, f’Marzu, kienet wettqet il-provi għall-akbar missila interkontinentali u li kienet l-ewwel waħda fuq skala hekk kbira mill-2017…Prova li qanqlet kundanna internazzjonali, speċjalment mill-pajjiżi qrib tal-Korea komunista.
Il-missili ballistiċi interkontinentali kapaċi jġorru l-warheads nukleari minbarra li jestendu l-kapaċità militari tal-Korea ta’ Fuq sal-punt fejn il-pajjiż komunista jista’ jattakka direttament lill-Istati Uniti.
Min-naħa tiegħu, Kim Jong-un qal li pajjiżu, fil-jiem u ġimgħat li ġejjin, se jkompli jieħu l-passi biex isaħħaħ u jiżviluppa l-kapaċità nukleari tiegħu b’ritmu mgħaġġel u determinat.
//= $special ?>

