Qorti ddeċidiet li d-detenzjoni kontinwa ta’ Paul Attard, sakemm jiġu konklużi kawżi kostituzzjonali li kien ressaq hija legali. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tat id-deċiżjoni tagħha dwar rikors ta’ habeas corpus li Attard kien ippreżentat nhar it-Tnejn.
Attard huwa mfittex mill-awtoritajiet Taljani biex jiffaċċja proċeduri kriminali dwar ġarr ta’ 10 tunnellati ta’ cannabis maqbuda abbord bastiment f’ibħra internazzjonali fl-2018, Habeas corpus huwa rimedju legali li jiddeċiedi jekk l-arrest tal-applikant huwiex legali jew le. Applikazzjonijiet bħal dawn huma dejjem ittrattati b’urġenza.
F’Diċembru li għadda, qorti tal-appell kienet ċaħdet l-argumenti ta’ Attard u laqgħet it-talba tal-awtoritajiet ġudizzjarji Taljani biex huwa jintbagħat lejn l-Italja. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Maġistrati qalet li kienet tistenna li l-proċeduri l-oħra “iseħħu bl-akbar spedjenza,” u laqgħet it-talba tal-AĠ u ordnat li Ħ’Attard jibqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech innotat li f’dan il-każ, l-ordni ta’ estradizzjoni stess tistipula li kull persuna taħtu għandha tinżamm taħt arrest sakemm tiġi trasferita fil-pajjiż li jagħmel it-talba.. Dan huwa konformi mad-dispożizzjonijiet Kostituzzjonali dwar il-libertà personali, innotat l-maġistrat, li ċaħdet l-azzjoni habeas corpus ta’ Attard u ordnat li jinżamm arrestat, sakemm jiġu konklużi l-kawżi l-oħra tiegħu.
Immedjatament wara li l-maġistrat ħareġ mill-awla Attard ipprotesta bil-qawwa kollha u anke mal-uffiċjali ddettaljati biex jeskortawh il-ħabs. “Il-qattiela jieħdu l-libertà proviżorja u jien le, għalkemm ma għamilt xejn, hija konfoffa bejniethom! Kont naf x’se tkun is-sentenza mill-bieraħ,” huwa għajjat. “L-Ispettur u l-AĠ gidbu taħt ġurament u mbagħad il-qattiela jingħataw il-libertà proviżorja. Int kisirtni, qridt il-familja tiegħi!”
L-avukat ta’ Attard Jose Herrera qal lill-ġurnalisti li d-deċiżjoni fissret li l-Artikolu 20 tal-Att dwar l-Estradizzjoni japplika biss għal estradizzjonijiet “normali”, u mhux f’każijiet li jinvolvu Mandati ta’ Arrest Ewropej. “Ifisser ukoll li l-Qorti Kostituzzjonali m’għandhiex is-setgħa li tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ arrest. Ifisser ukoll li ladarba Mandat ta’ Arrest Ewropew jiġi kkontestat permezz ta’ proċeduri ulterjuri, l-akkużat irid jinżamm taħt arrest sakemm jiġu konklużi dawn il-proċeduri kollha.” Intant, nhar il-Ħamis, l-Imħallef Anna Felice mistennija tagħti sentenza Kostituzzjonali fuq waħda mit-talbiet ta’ Attard għall-ħelsien mill-arrest.
//= $special ?>