Lokali

“Se nieħu deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-PN u ta’ Malta” – Bernard Grech

“Illum nafu fejn qegħdin, għandi ċ-ċans inkompli nieħu dawk id-deċiżjonijiet biex fl-aħjar interess tal-partit u tal-pajjiż, nara li l-PN ikun jista’ jerġa’ jaqbad it-triq illi terġa’ tagħmlu partit li jġib maġġoranza.” – Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien intervistat minn Saviour Balzan it-Tnejn filghaxija waqt il-programm XTRA. “Jien ma dħaltx fil-politka biex nilgħab, ma dħaltx għal short term, dhalt għaliex ridt li nagħmel id-differenza. Wieħed irid jirrikonoxxi li f’sena u erba’ xhur ma tilħaqx tagħmel id-differenzi kollha speċjalment meta ssib partit f’dik il-qagħda. Dik il-qagħda, sal-elezzjoni, tranġat u tjiebet imma mhux biżżejjed.”

Bernard Grech kien qed iwieġeb dwar is-sitwazzjoni preżenti fil-PN. Dan fid-dawl tad-diskors li għamel quddiem il-Kunsill Ġenerali u fid-dawl li issa beda proċess li se jwassal għall-votazzjoni għall-kariga ta’ kap tal-partit. “L-aktar ħaġa faċli għalijja kienet li nsib skuża bir-riżultat tal-elezzjoni u naħrab mir-responsabiltajiet u naħrab mill-partit fl-għar sitwazzjonijiet li jinsab fih. Iddeċidejt minn qabel l-elezzjoni li nerfa’ l-piż u nibqa’ nimxi ‘l quddiem jekk ningħata l-fiduċja skont l-istatut tal-partit.”

Il-Kap tal-PN saħaq li għandu obbligu jkompli jaħdem ma’ kulħadd biex jara li jkun hemm verament partit aktar b’saħħtu, bil-varjetà differenti tal-persuni kollha li jistgħu jikkontribwixxu fid-direzzjoni kollettiva li hemm bżonn biex jissaħħaħ il-partit.

Meta kien qed iwieġeb dwar is-sitwazzjoni finanzjarja fil-PN, Bernard Grech stqarr li issa kulħadd jaf x’inhi r-realtà u hu lest li jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex dik ir-realtà ma tibqax kif inhi. “Iridu jittieħdu deċiżjonijiet biex il-partit jimxi ‘l quddiem. Ma nistgħux nibqgħu b’dejn daqshekk kbir, hemm bżonn niddeċiedu dak li hemm bżonn. Jew nibqgħu mmutu, jew niddeċiedu llum biex insalvaw.” Hawnhekk ta diversi eżempji fosthom dwar kif l-operat ikun ahjar. U saħaq li se jsiru rapporti minn esperti, biex id-dejn jibda nieżel.

Intant, matul din l-intervista, Bernard Grech insista li ser jibqa’ jaħdem għal bidla fl-attitudni u fil-mentalità fejn fakkar ukoll kif il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, illum għandu 20 persuna ġdida minn grupp ta’ 35. “Biddilt u se nkompli nbiddel. Iva, il-grupp li għandna llum huwa varjat, b’ħiliet u etajiet differenti. Flimkien nistgħu noħolqu politka differenti ta’ fejn irid jimxi ‘l quddiem il-partit. Se nkunu partit popolari imma qatt mhu se nkunu partit populista.”