Lokali

Se terġa’ ssir il-Konferenza Nazzjonali ‘l-Istat tan-Nazzjon’

Ritratt: Matthew Tabone

It-tieni edizzjoni tal-Konferenza Nazzjonali, ‘L-Istat tan-Nazzjon’… li minnha ser joħroġ stħarriġ xjentifiku dwar kif qed tiżviluppa s-soċjetà, se ssir fid-9 ta’ Ġunju li ġej. Hawnhekk, b’mod xjentifiku, se ssir analiżi ta’ aħna min aħna. Stħarriġ li jidentifika oqsma li fuqhom nistgħu naħdmu, nirranġaw u ntejjbu biex il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi tmur għall-aħjar. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-President ta’ Malta George Vella, Vincent Marmara u Lou Bondi, fil-Palazz ta’ San Anton.

Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza tal-aħbarijiet il-President ta’ Malta saħaq li mill-edizzjoni tas-sena l-oħra Tgħallimna ħafna affarijiet li issa nistgħu nibnu fuqhom. Hu saħaq li konferenza ta’ dan it-tip tagħti stampa ċara u kompluta ta’ fejn ninsabu bħala nazzjon. Survey li jtina possibiltà naraw min sirna f’din il-ħajja li qed tevolvi, fil-kuntest lokali u anke globali. Fost l-oħrajn, ser ikunu diskussi l-ambjent, il-pandemija, il-Gwerra fl-Ukrajna u aktar. Geroge Vella spjega kif mill-aħħar stħarriġ kien ħareġ li l-Malti kburi li hu Malti. Pero kien sar ukoll, u ser jerġa’ jsir stħarriġ dwar l-ilsien malti, l-użu u l-popolarità tiegħu. Il-konferenza se tħares ukoll l-importanza tal-media, il-media socjal u d-dipendenza fuqhom speċjalment fuq tfal u żgħażagħ.

Vincent Marmara mill-Università ta’ Malta spjega li fis-sigħat li ġejjin ser jibda dan l-istudju fost il-poplu biex ikun identifikat kif qed tevolvi l-identità tagħna, kif ukoll dak li jwassal għall-formazzjoni u l-principju tal-Maltin u l-Għawdxin. L-istħarriġ, li imbgħad ikollu r-riżultati tiegħu diskussi waqr il-konferenza nazzjonali, se jsir fost kampjun ta’ 1,064 persuna li għandhom minn 16-il sena ‘l fuq. L-istħarriġ għandu margini ta’ żball ta’ 3%.

Vincent Marmara spjega kif fl-istħarriġ li sar is-sena l-oħra, ħareġ kif il-familja kienet meqjusa bħala l-benniena tas-soċjetà tagħna. Ħareġ li l-maġġoranza tal-poplu Malti jemmnu f’Alla u li l-politka għandha sehem ċentrali fil-ħajja ta’ ħafna.  Marmara spjega kif 83% tal-popolazzjoni dejjem ivvutat għall-istess partit politku. U li nofs il-poplu mhux komdu bit-taħlit tal-kulturi. Dan filwaqt li l-maġġoranza assoluta jinfurmaw ruħhom dwar aħbarijiet fil-pajjiż, minn mezzi soċjali.

Il-Konsulent Lou Bondi, minn naħa tiegħu spjega kif il-Konferenza Nazzjonali se tkun komposta minn 5 panels li jlaqqgħu sihom kelliema minn kull sfera tas-socjetà bl-għan li d-diskissjoni tkun wahda wiesa. Hawn se jkunu diskussi diversi temi fosthom l-ambjent, is-saltna tad-dritt u l-korruzzjoni. Lou Bondi ħabbar li l-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ser ikunu qed jindirizzaw din il-konferenza nazzjonali.