Ekonomija Lokali

Studju Ewropew juri li 8% tal-Maltin m’għandhom flus biex imqar joħorġu darba fix-xahar għal ikla mal-familja

31,000 persuna f'pajjiżna ma jaffordjawx ikliet regolari ta' laħam, ħut jew tiġieġ

Studju Ewropew li ġie ppubblikat mill-NSO juri li 9.8 fil-mija tal-familji Maltin u Għawdxin huma imċaħda minn ċertu bżonnijiet bażiċi jew attivitajiet soċjali li jikkontribwixxu għall-kwalita’ tal-ħajja tal-individwu. Dawn jinkludu elementi bħall-ikel ta’ laħam u tiġieġ, sa li ssaħħan id-dar tiegħek fix-Xitwa, għal ikliet mal-familja, jew btala darba fis-sena.

L-istudju magħruf bħala SILC jitfa’ dawl fuq il-kwalita’ tal-ħajja tal-ħaddiema, l-anzjani u l-familji Maltin u Għawdxin.

Dan ir-rapport juri li 8 fil-mija tal-familji m’għandhom flus biex imqar joħorġu darba fix-xahar għal ikla mal-familja jew mal-ħbieb. Filwaqt li terz tal-Maltin ma jaffordjawx imqar vaganza waħda darba fis-sena.

Iċ-ċifri huma aktar inkwetanti meta wieħed jara li 15 fil-mija tal-familji mhux kapaċi jġorru piż finanzjarju jew xi spiża li ma tkunx mistennija. Filwaqt li 6.2 fil-mija tal-Maltin ma jaffordjawx laħam, tiġieġ jew ħut tliet jew erba’ darbiet fil-ġimgħa – dan jammonta għal aktar minn 31,000 persuna.

Dan l-istess studju jindika li 51,000 persuna f’pajjiżna ma jifilħux jonfqu nefqa minima fuqhom infushom darba fil-ġimgħa. Filwaqt li 11,000 ma jaffordjawx konnesjoni tal-internet.

Apparti minn hekk, 26,000 persuna ma jaffordjawx żewġ pari ta’ żraben.

B’mod globali, dan l-istudju jindika li f’pajjiżna hawn mal-50,000 persuna f’xifer il-faqar. Dan għaliex qed jiċċaħdu minn affarijiet materjali kif ukoll elementi soċjali li suppost ifissru kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan l-ammont ifisser żeida ta’ kważi 3,000 persuna fuq is-sena ta’ qabel.

Ir-Rapport SILC jitkellem ukoll fuq it-tniġġis, u kif din hija problema li qed tħasseb lil diversi familji. Tant hu hekk, li 34 fil-mija tal-familji jemmnu li t-tniġġis u l-problemi ambjentali bħall-ħsejjes fil-lokalitajiet huma l-akbar issues għar-residenti f’pajjiżna.