Qorti fit-Turkija kkundannat attivista prominenti biex iservi ħabs għal għomru wara proċess li fi kliem l-alleati ta’ Ankara kien għal kollox motivat mill-iskopijiet politiċi.
Qabel is-sentenza, l-imputat Osman Kavala – magħruf ukoll għax-xogħol filantropiku li jagħmel – kien diġà skonta erba’ snin priġunerija mingħajr ma nqratlu sentenza ta’ kundanna. Hu kien instab ħati dwar akkużi relatati mal-protesti nazzjonali li saru fit-Turkija fl-2013 kif ukoll dwar sehem fil-kolp ta’ stat fallut tal-2016 kontra t-Tmexxija tal-President Tork Recep Tayyp Erdogan.
Kavala qed jiċħad l-akkużi filwaqt li qed jixli lill-Gvern Tork dwar assassinju politiku. Preżenti għall-proċess ta’ Kavala kien hemm numru ta’ diplomati tal-Punent, bl-Istati Uniti tesprimi l-inkwiet tagħha dwar is-sentenza ħarxa mogħtija lil dan l-attivist.
Osma Kavala, snin ilu, kien akkużat bħala finanzjatur tal-protesti kbar tal-2013 kontra l-Gvern Tork u wara li kien maħfur mill-akkużi hu kellu jiffaċċja akkużi oħra bħala allegat protagonista fl-imsemmi kolp ta’ stat li rriżulta fi priġunerija għal għexieren ta’ eluf ta’ Torok.
Fl-aħħar proċess, Kavala kien kostrett iwieġeb mill-ġdid dwar l-akkużi rispettivi minkejja l-maħfra li kienet ingħatatlu. Min-naħa tagħha, il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani saħqet li ma kienx hemm provi biżżejjed li setgħu jikkonfermaw il-ħtija tal-attivist u li t-Turkija kienet qed taħseb biss biex trażżan lil Kavala u lil difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem.
//= $special ?>

