Internazzjonali

Ukrajna: Vladimir Putin jipprova jiġġustifika l-invażjoni waqt laqgħa ma’ Antonio Guterres

Il-President Russu Vladimir Putin għadu kemm ikkonkluda taħditiet, f’Moska, mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres u fejn qal li ‘ir-Russja qed tittama li tilħaq ftehim mal-Ukrajna bil-mezzi diplomatiċi’.

Putin – waqt li prova jiġġustifika din il-gwerra — qal li l-aħħar taħditiet (mal-Ukreni) fit-Turkija kienu wasslu għal żblokk fis-sitwazzjoni; iżda fl-istess ħin tenna li ‘l-affarijiet staġnaw wara r-rapporti dwar l-atroċitajiet fuq ċivili fil-belt Ukrena ta’ Bucha’.

Il-President Russu qal li l-akkużi kontra t-truppi tiegħu kienu ‘provokazzjoni’ u li l-Armata ta’ Moska ma kellhiex x’taqsam ma’ dawk l-atroċitajiet.

Fl-istess waqt, Putin qal li t-taħditiet mal-Ukrajna għandhom ikomplu u sostna  li hi x-xewqa tiegħu biex id-djalogu jwassal għal riżultat pożittiv. Dan meta hu spjega li n-negozjati, għalissa, iridu jkomplu b’mod formali bil-mezzi online.

Vladimir Putin tkellem ukoll dwar l-assedju fuq il-belt Ukrena ta’ Mariupol u qal li s-sitwazzjoni hemmhekk saret ‘ikkumplikata u traġika’. Fl-istess ħin Putin qal li l-militar ta’ pajjiżu mgħadux għaddej bl-azzjonijiet f’dik il-belt waqt li akkuża lis-suldati Ukreni li għad fadal f’Mariupol b’li qed iżommu liċ-ċivili bħala tarka umana fil-kumpless industrijali ta’  Azovstal.

Intant, ma hemm l-ebda provi konkreti dwar dak li qed jgħid Putin, bil-konflitt fl-Ukrajna mistenni jirriżulta f’ħafna aktar imwiet matul is-sigħat li ġejjin.

Min-naħa tiegħu, Antonio Guterres informa lill-President Russu li l-invażjoni tal-Ukrajna kienet kontradizzjoni sħiħa għall-Kostituzzjoni taċ-charter tan-Nazzjonijiet Uniti. Fl-istess ħin hu esprima l-inkwiet kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja allarmanti fl-artijiet Ukreni.