Lokali Qorti

Anzjan mhux ħati fuq fastidju sesswali fil-konfront ta’ Spanjola fil-każin tal-Labour tal-Floriana

Anzjan ta’ 75 sena mir-Rabat ġie llilberat mill-Qorti meta kien mixli b’fastidju sesswali fil-konfront ta’ tfajla Spanjola f’Ottubru li għadda ġewwa l-każin tal-Labour tal-Floriana. Huwa kien mixli b’fastidju sesswali bil-Qorti tgħid li ma dan jinkwadrax f’dan il-każ minħabba li l-inċident kien wieħed iżolat. Mix-xhieda tat-tfajla u kif jixhed filmat esebiet jirriżulta b’mod ċar li din l-imġieba ma kinitx waħda mixtieqa mill-vittma.

Fil-fatt mill-filmat jidher ċar li l-vittma telgħet mit-toilet tiġri aġitata u emozzjonata għall-aħħar.  Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Elaine Mercieca qalet fis-sentenza tagħha li mill-provi prodotti jirrizulta li l-imgieba ta’ Roġer Galea fil-konfront tat-tfajla meta imblokka l-ħruġ tagħha mit-toilet filwaqt li prova jbus idejha kienet wahda b’konnotazzjoni sesswali.

L-agir ta’ Galea  kontra r-rieda tagħha huwa bla dubju wieħed ta’ intimidazzjoni, degradanti u offensiv lejn il-vittma. F’dan ir-rigward il-Qorti għamlet referenza għax-xhieda ta’ l-Ispanjola meta ġiet mistoqsija jekk tagħrafx lill-imputat l-għada tal-inċident.

Ix-xhud wieġbet: “Ma nixtieqx inħares lejh imma jien u dieħla rajtu iva.” Dan juri l-effett bezgħan li l-aġir tiegħu ħalla fuq il-vittma li kienet f’Malta ghall-vaganza fejn adirittura lanqas biss ma riedet tħares lejh fl-awla tal-Qorti. Madanakollu kompliet tgħid il-Qorti dan l-aġir tal-imputat jikkostitwixxi okkażjoni waħda biss. Ir-reat li bih Galea jinsab akkużat jirrikjedi ‘course of conduct’ li bla dubju huwa nieqes f’dan il-każ..

“Huwa minnu li Roger Galea ipprova jkellimha billi xejrilha u qalilha ‘hello’ qabel ma l-vittma nizlet lejn it-toilet madanakollu, fil-fehma ta’ dina l-Qorti, din l-imgieba limitament li ssellem lil xi ħadd mhijiex imġieba offensiva, umiljanti, degradanti, jew intimidatorja skont -artikolu 251A(1)(e).”

Il-Qorti kompliet tgħid li din it-tislima ma tistax titqies bħala okkażjoni distinta mill-inċident abbużiv fit-toilet ġaladarba din seħħet ftit minuti biss qabel. Għaldaqstant l-imġieba tal-imputat fit-totalità  tagħha għandha titqies bħala l-istess okkażjoni waħda.

Din l-imġieba min-naha tal-imputat hija punità taħt dispożizzjonijiet oħra tal-Kodici Kriminali, madanakollu mhijiex tali li tissodisfa l-akkuża prospettata mill-prosekuzzjoni permezz tal’ dawn il-proċeduri.. Għaldaqstant, għal dawn il-mottivi, l-Qorti, wara li rat l-artikolu 251A(1)(e) tal-Kodici Kriminali, illiberat lil Roger Galea mill-akkuża fil-konfront tieghu.

It-tfajla kienet spjegat fil-Qorti li kienet fil-bar tal-każin tal-Labour tal-Floriana flimkien mal-boyfriend tag]ha tiehu kafe. Kif marret mal-counter sabiex tordna kafe l-imputat mar ikellimha.

Hija min-naha tagħha qaltlu biss ‘hello’. Wara niżlet it-taraġ biex tmur it-toilet. Kif ħarget mit-toilet sabet ma wiċċha lill-imputat li ma ħallijiex toħroġ. Qalet li dan beda jiġbdilha jdejha tax-xellug u jipprova jbusha. Qalet li rnexxileha tisgiċċa u telgħet ‘il fuq mwerwra u qalet lill-boyfriend tagħha x’kien ġara kif ukoll lis-sid tal-bar, li ċempel lill-pulizija.

Il-pulizija waslu fuq il-post u staqsewha jekk riditx tagħmel rapport u fil-fatt għamlet rapport fl-għassa tal-Belt.  Fil-Qorti x-xhud għarfet lill-imputat bhala l-persuna li prova jbusha fit-toilet. Hija kkonfermat ukoll li ma damitx iżjed minn żewġ  minuti fit-toilet.  L-għarus tat-tfajla  sostna li huwa baqa’ barra imma seta’ jara ġewwa tal-bar.

Qal li  f’hin minnhom raha lit-tfajla tiegħu tibki, mar jara x’ġara u beda jipprova jikkallmaha. Spjega ukoll li x’hin irrakontatlu x’kien ġara mar fuq l-imputat u beda jistaqsih bil-lingwa Spanjola  għaliex għamel hekk. Sid il-bar mar fuqu biex jara x’ġara u kif qallu, bl-istorja ħa lill-imputat barra filwaqt li tal-bar talabhom biex jibqghu hemm ħa jċempel lill-pulizija.  

L-ispettur Gabriel Micallef xehed li fl-14 ta’ Ottubru tas-sena 2021 għall-ħabta tal-4.50pm li-pulizija rceviet rapport minn persuna femminili ta’ nazzjonalita’ Spanjola fuq dak li kien seħħ u rrapurtat li wara li kienet hierga mit-toilet tal-l-anzjan għalqilha l-passaġġ u ma hallijiex titla ‘l fuq. Qabadha minn idejha u biesa fuq idha x-xellugija.

L-imputat gie arrestat immedjatament u mehud l-għassa tal-Belt fejn itteħditlu stqarrija. Ix-xhud spjega li qabel ma ittehditlu l-istqarrija huwa kkonsulta mal-Avukat Simon Micallef Stafrace bit-telefon. Fl-interrogazzjoni l-imputat innega l-allegazzjoni maghmula mit-tfajla. Għal Galea deher l-Avukat Daniel Attard u l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Micallef.