L-istaġun tas-Sajf jinsab wara l-bieb, hekk kif ftit tal-ġimgħat oħra, wieħed jibda jistenna żieda sostanzjali fit-turisti.
U wara sentejn ta’ pandemija li ħallew lil dan is-settur għarkupptejh, il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo kkonferma li l-Gvern ta’ Robert Abela għadu qed jibni n-niċeċ turistiċi.
Hu ddikjara dan meta mistoqsi minn NET News – issa li għaddiet l-elezzjoni u hu baqa’ Ministru tat-Turiżmu – x’inhu l-pjan tal-Gvern biex it-Turiżmu jkun jista’ jibda jirkupra.
Clayton Bartolo qal li l-Labour ilu li ħabbbar il-viżjoni tat-Turiżmu mis-sena li għaddiet. Madankollu, dakinhar kien wera kemm il-politika tal-Gvern għal dan is-settur hu li nerġgħu mmorru lura għall-politika tas-snin 80 … meta qal li t-temp huwa element importanti.
Illum, il-Ministru tat-Turiżmu qed jipprova jdawwar kliemu u jgħid li mhux veru qal dak il-kliem … għalkemm f’nifs ieħor ikkonferma li l-Gvern Laburista jemmen li pajjiżna dejjem kien destinazzjoni tax-xemx u l-baħar.
Għad-differenza tal-Gvern Malti, Gvernijiet ta’ pajjiżi oħrajn – fosthom ta’ gżejjer oħrajn fil-Mediterran – użaw il-perjodu tal-pandemija biex joħorġu b’ideat u politika ġdida, biex itejbu l-prodott turistiku tagħhom u jieħdu kemm jistgħu mis-suq turistiku.
//= $special ?>