Lokali Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea b’direttiva ġdida kontra SLAPP

Il-Kap tal-PN Bernard Grech qal illi llum l-isforzi tal-MEPs Nazzjonalisti ġew ippremjati

L-MEP u l-Ko-President tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Midja, David Casa, laqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex jitnaqqsu l-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP).

Din id-direttiva li ser tbiddel il-proċeduri legali madwar l-Ewropa biex tiżgura protezzjoni aħjar għall-ġurnalisti hekk kif se tkun qed tindirizza żewġ ostakli legali ewlenin li ppermettew li liġijiet vessatorji jiġu ppreżentati f’Malta kif ukoll barra minn Malta.

David Casa spjega li l-kawżi SLAPP laħqu l-quċċata tagħhom f’Malta fl-2017 meta ġurnalisti bħal Daphne Caruana Galizia rċivew għexieren ta’ kawżi foloz ta’ malafama, fosthom libell kriminali u ittri intimidanti mill-Bank Pilatus.

Huwa semma mumenti meta l-Gvern Malti kien esternalizza pariri legali minn ditta legali tar-Renju Unit biex jiġġustifika l-votazzjoni kontra emendi li kienu jipproteġu lill-ġurnalisti minn każijiet ta’ libell.

Bejn l-2010 u l-2021, Malta kellha l-ogħla numru ta’ każi SLAPP per capita fl-Ewropa.

Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola kkontribwiet b’mod sinifikanti għall-kawża kontra l-SLAPPs hekk kif mexxiet rapport fil-Parlament fejn talbet lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech qal illi llum l-isforzi tal-MEPs Nazzjonalisti ġew ippremjati mill-Kummissjoni Ewropea hekk kif beda l-proċess biex ikollna liġi li tipproteġi lill-ġurnalisti u attivisti oħrajn minn kawżi magħrufa bħala SLAPP. Dan wara snin ta’ kampanji mill-MEPs Nazzjonalisti biex l-istituzzjonijiet Ewropej fi Brussell juru snienhom ma’ min qed joħnoq il-libertà tal-istampa.

Bernard Grech fakkar għadna qed nistennew lill-Gvern Malti biex jaġixxi dwar il-kawżi SLAPP. U insista li issa se tkun l-Unjoni Ewropea li tmexxi ‘l quddiem dan il-proċess.

Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Midja tal-Parlament Ewropew huwa alleanza bejn gruppi parlamentari differenti li qed jagħmlu pressjoni għal iktar sikurezza ġurnalistika u l-libertà tal-istampa madwar l-Ewropa. Matul is-snin li għaddew, din l-alleanza mexxiet l-isforzi fil-Parlament Ewropew biex jiġu appoġġjati ġurnalisti mhedda.