Lokali

Il-Ministru tat-Toroq ma jafx meta se titlesta t-Triq tal-Għadira

Mill-elezzjoni ġenerali għadda xahar u Aaron Farrugia, li Robert Abela tefgħu minflok Ian Borg bħala l-Ministru tat-Toroq fit-tieni Kabinett tiegħu, għad m’għandux idea fejn waslu t-toroq li qed isiru xogħolijiet fuqhom.

Fosthom it-Triq tal-Għadira, minkejja li din it-triq hi ffrekwentata ħafna minn Maltin u turisti, partikolarment dawk li jmorru jgħum f’din il-bajja jew li jkunu fi triqthom lejn Għawdex.

Iżda minkejja li ilu xahar fil-kariga – Aaron Farrugia qal li m’għandux idea meta din se titlesta jew jekk almenu hux se naraw xi progress sas-Sajf. Qalilna biss li għadu jrid jiċċekkja u jagħtina l-informazzjoni ‘l quddiem.

Waħda mill-karreġġjati tat-Triq tal-Għadira nqalgħet diversi xhur qabel l-elezzjoni ġenerali u s’issa għad m’hemm l-ebda ħjiel li x-xogħol jista’ jkun konkluż mill-aktar fis.

Hu evidenti kemm ix-xogħol għadu lura, b’gaffa waħda u jigger wieħed biss jaħdmu, bil-kumplament tal-makkinarju wieqaf u mingħajr preżenza ta’ aktar ħaddiema.

Dan fost it-traffiku li qed ikollu jgħaddi minn karreġġjata waħda maqsuma fi tnejn, bil-Maltin u t-turisti jkollhom joqgħodu f’nofs it-triq biex imqar jirkbu l-karozza tal-linja.