Lokali

Il-Pulizija tinvestiga allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fi ħdan Identity Malta

Il-Pulizija fetħet investigazzjoni dwar allegat tixħim fi ħdan Identity Malta wara li allegatament saru xi kickbacks b’rabta mal-bejgħ tal-passaporti.

Dan ġie żvelat minn The Shift News hekk kif ġie rrapportat li kelliema għal Pulizija kkonfermaw li preżentament dawn l-allegazzjonijiet qed jiġu investigati.

The Shift News irrapportaw li uffiċjali għolja fi ħdan Identity Malta kienu qed jgħaddu d-dettalji tal-klijenti li xtraw il-passaport Malti lil aġenzija tal-proprjetà..bil-konsegwenza li allegatament dawn l-uffiċjali daħlu l-eluf ta’ ewro b’buthom kull darba li dawn l-klijenti jikru xi proprjetà minn din l-aġenzija.

Dan filwaqt li kickbacks kienu qed jinħbew f’forma ta’ bonds.

Din l-iskema ilha waħda ta’ kontroversja sa minn meta nibtet taħt it-tmexxija tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat li kien introduċa l-bejgħ tal-passaport Malti lura fl-2013…mingħajr ma kien qatt semmiegħa fil-manifest elettorali Laburista.

Skema li kienet kritikata ankè internazzjonalment kif ukoll skema li kienet fiċ-ċentru ta’ diversi allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni.