Kien propju fis-27 ta’ April tal-1942 meta għeb is-sottomarin HMS Urge li kien qed jagħti servizz fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Għal dan, pajjiżna fakkar il-ħidma u l-qlubija li urew 44 persuna li kienu jinsabu abbord dan is-sottomarin bi kxif ta’ plakka kommemorattiva li nkixfet għall-okkażjoni, f’Forti Sant Iermu.
Preżenti kien hemm il-President ta’ Malta, George Vella, li saħaq li s-sottomarin mhux biss ifakkar dak li d-dinja għaddiet minnu matul il-gwerra, iżda wkoll fil-valur tal-paċi li wieħed għandu jibqa’ jħaddan.
Min-naħa l-oħra, il-Kummissarju Għoli Ingliż Catherine Ward saħqet li r-relazzjoni bejn Malta u r-Renju Unit hi waħda ta’ għaqda li tmur lura s-snin. Ward qalet li hu ta’ importanza li nfakkru dak li ġara biex ma jerġax jiġri dak li seħħ 80 sena ilu, li ra telf ta’ għexieren ta’ persuni … b’mod speċjali fid-dawl tal-gwerra fl-Ukrajna.

Il-President ta’ Heritage Malta Anthony Scicluna qal li wieħed qatt ma jista’ jinsa l-qlubija li urew il-vittmi kollha tal-gwerra.
Kien propju l-Professur Malti fi ħdan l-Università ta’ Malta, Timmy Gambin, li sab il-fdalijiet tas-sottomarin fl-2019… sottomarin li kien immexxi mill-Kmandant, Edward Philip Thomkinson. Is-sottomarin kien ibbażat propju f’pajjiżna f’Manoel Island. Il-konferma li l-fdalijiet kienu propju tal-HMS Urge ħarġet fl-2021 wara studju li sar.
