Lokali Qorti

Miċħuda talba ta’ Yorgen Fenech li sofra ksur tad-drittijiet tal-bniedem

Imħallef ċaħdet it-talba ta’ Yorgen Fenech li kien qed jallega li sofra ksur tad-drittijiet tal-bniedem minħabba l-fatt li ma nħelisx fuq pleġġ mill-arrest tiegħu fl-2019. Fenech qed ikun akkużat bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana f’Ottubru tal-2017.

Matul is-snin mill-arrest tiegħu, l-avukati ta’ Fenech ressqu diversi talbiet għall-ħelsien mill-arrest u każijiet kostituzzjonali relatati li jitolbu l-ħelsien tiegħu. Dawn it-talbiet ġew miċħuda b’mod konsistenti mill-qrati. L-aħħar rifjut wasal f’sentenza twila ta’ 60 paġna, f’kważa kostituzzjonali li kien ippreżenta s-sena l-oħra quddiem l-Imħallef Miriam Hayman.

F’dak il-każ, Fenech kien argumenta li l-Istat kien qed jikser id-drittijiet fundamentali tiegħu billi rrifjutalu l-ħelsien mill-arrest. L-Avukat tal-Istat Chris Soler u l-avukat Maurizio Cordina rrappreżentaw lill-Istat fil-proċeduri. L-avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Merceica dehru għal Fenech. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jirrappreżentaw lill-familja Caruana Galizia.