Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

100 jum fil-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew

Illum, huwa l-100 jum minn meta Roberta Metsola saret il-President tal-Parlament Ewropew. 100 jum minn mument storiku għall-Maltin u l-Għawdxin kollha. 100 jum li kienu impenjattivi ferm għal Metsola, li għalkemm ġdida fil-kariga, mexxiet bl-aktar mod pożittiv u diġa wriet kwalitajiet tajbin ħafna.

L-ewwel Maltija f’kariga daqshekk prestiġjuża, l-ewwel mara f’din il-kariga sa mill-1999 u l-iżgħar President fl-istorja tal-Parlament Ewropew.

F’intervista mal-ġurnali influwenti Politico, l-MEP tal-PN kienet deskritta bħala persuna inteliġenti u li diġa bidlet għall-aħjar il-mod li bih jaħdem il-Parlament. Politico tfakkar kif Roberta Metsola hija wkoll relattivament ta’ età żgħira meta kumparata ma’ persuni oħrajn f’karigi għoljin fl-Unjoni Ewropea. Filfatt, il-Maltija għalqet 43 sena dakinhar li ġiet eletta fil-kariga ta’ President.

Matul l-ewwel xhur tagħha fil-kariga, kif wegħdet sa mill-ewwel jum, Metsola kienet disposta għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti fejn filfatt tat diversi intervisti mal-ikbar stazzjonijiet minn madwar id-dinja, fosthom fl-Amerika, l-Ingilterra u l-Italja. Dan filwaqt li kienet ukoll disposta għal domandi minn stazzjonijiet f’Malta, fosthom żewġ intervisti fuq Net Television.

100 jum ilu, Roberta Metsola kisbet 458 minn 690 vot, li jfisser 74% tal-voti kollha – appoġġ qawwi mill-maġġoranza assoluta tal-MEPs, hekk kif Metsola ġabet aktar mid-doppju tal-voti li kellha bżonn biex tiġi eletta. Mingħajr dubju, riżultat li juri biċ-ċar, kemm l-Ewropa kellha fiduċja fil-kandidata Maltija.

Minn kemm ilha f’din il-kariga, minkejja l-ħafna impenji madwar l-Ewropa kollha, Roberta Metsola xorta waħda baqgħet viċin ħafna tagħna l-Maltin hekk kif pajjiżna kien l-iktar pajjiż li hi żaret bħala President tal-Parlament Ewropew.

Madanakollu, bla dubju, li l-iktar żjara li ssemmiet, madwar id-dinja kollha, kienet iż-żjara tagħha fl-Ukrajna.

Fil-pajjiż li bħalissa għaddej minn gwerra, Roberta Metsola ltaqgħet mal-President Volodymyr Zelensky kif ukoll waslet messaġġ b’saħħtu fil-Parlament tal-Ukrajna. Il-Maltija kienet l-ewwel mexxej ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea li żaret l-Ukrajna wara li bdiet il-gwerra.