Lokali

Bernard Grech jippreżenta l-espressjoni ta’ interess għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista

Illum Bernard Grech ippreżenta l-espressjoni ta’ interess għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista liċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista Peter Fenech

Il-Ħadd li għadda beda l-proċess sabiex il-Partit Nazzjonalista jeleġġi l-Kap tiegħu. Wara r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu, l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalsita kien obbligat, skont l-istatut, li jsejjaħ kunsill ġenerali sabiex iressaq mozzjoni għall-approvazzjoni tal-Kunsilliera biex tinfetaħ sejħa għall-kariga ta’ Kap tal-Partit.  

L-istatut tal-Partit Nazzjonalista jirrikjedi li meta jkun hemm telfa, ma jkunx hemm konferma ta’ Kap ta’ Partit iżda jkun hemm elezzjoni mifuħa u trasparenti biex kull min irid jipparteċipa, ikun jista’ jagħmel dan.

L-istadji ta’ dan il-proċess huma tlieta. L-ewwel ikun hemm id-dikjarazzjoni ta’ interess ta’ dawk il-persuni li jkunu jridu jagħtu n-nomina tagħhom għal din il-kariga. Imbagħad wara jsir il-proċess ta’ due diligence fejn in-nominazzjonijiet jkunu approvati mill-Kummissjoni Kandidati. U fl-aħħar stadju, jinfetħu n-nomini.

Kif jindika l-Istatut, f’każ ta’ kandidat wieħed, il-vot jittieħed fil-Kunsill Ġenerali, f’każ ta’ żewġ kandidati l-vot jittieħed fil-Konvenzjoni Ġenerali tat-tesserati, u f’każ ta’ tliet kandidati jew aktar l-ewwel jittieħed vot fil-Kunsill Ġenerali, sabiex l-aktar żewġ kandidati li jġibu voti imbagħad jitressqu għal vot quddiem il-Konvenzjoni Ġenerali.

L-istadju tad-dikarazzjoni ta’ interess jibqa’ miftuħ sas-Sibt 30 ta’ April.