Lokali Qorti

Erba’ snin u tmien xhur ħabs għal Spanjol li nqabad bil-cannabis fl-ajruport

Spanjol ta’ 32 sena residenti San Ġiljan ġie kundannat erba’ snin u tmien xhur ħabs wara li ammetta flok għadda ġuri li ġab Malta kilo cannabis u 100 gramma raża tal-cannabis. Huwa ġie mmultat ukoll is-somma ta’ €15,000 mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.

Meta kien tressaq il-Qorti fl-10 ta’ Lulju tas-sena l-oħra huwa wieġeb mhux ħati. Abel Hernandez Vazquez ġie arrestat il-Ħamis ta’ Lulju 2021 wara li uffiċjali tad-dwana fittxew fl-bagalji tiegħu fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta mal-wasla tiegħu fuq titjira minn Madrid.

Mit-tfittxijiet irriżulta li Hernandez Vazquez kien qed iġorr kilogramma cannabis flimkien ma’ 100 gramma raża tal-kannabis.. L-Ispettur Alfredo Mangion kien investiga l-każ biex f’Marzu li għadda Vazquez iddeċieda li jammetti fil-Qorti tal-Maġistrati.

Huwa ammetta reati ta’ assoċjazzjoni u li mporta d-droga f’ Malta għal skop ta’ traffikar. Fis-sentenza tagħha l-Qorti qieset l-ammmissjoni bikrija tal-akkużat u li l-fedina penali tiegħu hija waħda netta bla ebda tegbħa ta’ kontra-venzjoni jew reat registrat fuqu. Id-difiża u l-prosekuzzjoni qablu fir-rigward tal-piena li għandha tingħata lill-akkużat.

F’każ li l-multa ta’ €15,000 ma titħallasx puntwalment, din tiġi konvertita f’sena prigunerija ai termini tal-artikolu 11 tal-Kodiċi Kriminali. Huwa ġie kundannat ukoll iħallas s-somma ta’ €1,583.11, rappreżentanti fi spejjeż tal-Qorti. Dawn ukoll jekk ma jitħallsux fi żmien sena mid-data tas-sentenza jiġu konvertiti f’terminu ta’ priġunerija skont il-ligi.

Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta tal-oġġetti kollha li dwarhom sar ir-reat u l-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta ta’ kull flejjes jew proprjetà mobbli u immobbli oħra tal-ħati. Ġiet ukoll ordnata d-distruzzjoni tad-droga maqbuda.