Il-Kremlin wissa lill-Punent li t-trasport tal-armamenti ta’ ċertu kalibru lill-Ukrajna hu perikoluż għas-sigurtà tal-Ewropa.
Dan qalu Dmitry Peskov, il-kelliem għall-Kremlin, li kien qed iwieġeb għal diskors ‘provokattiv’ min-naħa ta’Liz Truss, is-Segretarju tar-Renju Unit għall-Affarijiet Barranin. Jidher li Moska tinsab urtata sew wara li Truss ħeġġet lill-alleati tal-Ukrajna biex ‘jirrankaw il-produzzjoni militari ħalli jgħinu lill-Gvern ta’ Kiev biex jirreżisti aħjar lill-qawwiet tal-Kremlin fid-diversi reġjuni Ukreni’.
L-Alleati tal-Punent għadhom qed jinsistu li l-appoġġ tagħhom lill-Ukrajna ma jammontax għal konfront militari bejn Moska u l-Alleanza tan-NATO. Iżda Vladimir Peskov qal li ‘it-tendenza tal-Punent biex twassal l-armamenti kbar lejn l-Ukrajna qed titqies (minn Moska) bħala azzjoni li ttellef l-istabbilità u s-sigurtà tal-kontinent Ewropew’.
It-theddid minn Peskov segwa t-twissija tal-President Russu Vladimir Putin ‘għall-pajjiżi li qed joħolqu theddid fuq livell strateġiku’ għar-Russja.’ Putin wissa li dawk il-pajjiżi li jintervjenu fil-gwerra tal-Ukrajna għandhom jiffaċċaw ‘reazzjoni qawwija u ta’ malajr’ minn Moska.
Il-kelliema għall-Kremlin, fl-aħħar sigħat, sostnew li l-Punent ‘ma għandu l-ebda dritt’ li jinkoraġġixxi lill-Ukreni biex jattakkaw il-faċilitajiet fir-Russja.
Filwaqt li Moska għamlitha ċara li ‘lesta tirritalja b’kull mezz’ għall-azzjonijiet potenzjali, il-Kremlin indirizza speċifikament lill-Ministru għall-Qawwiet Armati Britanniku James Heappey. Dan meta, skont il-Kremlin, id-diskors ta’ Heappey dwar il-leġittimità tal-attakki mill-Ukreni fir-Russja qed ikunu interpretati mill-Ukrajna bħala ‘permess biex tieħu din l-azzjoni (militari)’.
//= $special ?>