Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-Russja ‘tirrikatta’ lill-Ewropa bil-provvisti tal-gass

Il-Kummissjoni Ewropea akkużat lir-Russja dwar ‘każ ċar ta’ rikatt’ wara li Moska waqqfet l-esportazzjoni tal-gass lejn il-Polonja u l-Bulgarija – it-tnejn membri tal-Unjoni Ewropea.

Sadanittant, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, saħqet li l-iżvilupp juri, fost oħrajn, li l-Ewropa ma tistax tafda lir-Russja bħala ‘sieħba’ fis-settur tal-enerġija. Dan ukoll meta l-pajjiżi Ewropej qegħdin isegwu kontinwament l-aħħar żviluppi.

Madankollu, il-Kremlin ta’ Moska  qed tgħid li r-Russja ‘kienet sfurzata li tieħu azzjoni ( fir-rigward tas-sorsi tal-enerġija) minħabba l-passi ostili mill-pajjiżi tal-Punent’.

Il-qtugħ tal-provvisti tal-enerġija mill-kumpannija (Russa) Gazprom kien dovut għal sitwazzjoni fejn il-Polonja u l-Bulgarija rrifjutaw li jħallsu għall-gass bir-rubli; il-munita nazzjonali tar-Russja.

Dan meta Moska – u l-President Russu Vladimir Putin – ilhom minn Marzu jinsistu li jitħallsu bir-rubli għall-gass li r-Russja qed tesporta lejn l-Ewropa.

Id-domanda ‘sagrosanta’ ta’ Putin hi intiża biex jittaffew l-effetti negattivi għall-ekonomija tar-Russja mis-sanzjonijiet  tal-Punent li ilhom imposti fuq dan il-pajjiż mill-bidu tal-invażjoni tal-Ukrajna mit-truppi tal-Kremlin,fl-24 ta’ Frar.

Sadanittant, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky qal li r-Russja qed tuza l-gass bhala arma biex tattakka lill-Ewropa.

Fl-istess ħin – u b’reazzjoni għal dan il-pass mill-Kremlin – l-Unjoni Ewropea se tkun qed idaħħal embargo fuq iż-żejt lejn ir-Russja, b’din il-miżura għandha tikkumplika l-affarijiet għall-ekonomija Russa li avviċinat sitwazzjoni ta’ kroll.