Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, ikkundanna ‘il-ħażen u l-assurdità’ tal-gwerra meta, fl-aħħar sigħat, kien qiegħed iżur is-siti madwar Kiev li sa ftit ilu kienu okkupati mill-qawwiet tar-Russja…Siti fejn, jiem ilu, it-truppi tal-Kremlin kienu qed jimmassakraw lin-nisa, tfal u rġiel ċivili li ħafna minnhom spiċċaw f’oqbra tal-massa fil-periferija tal-kapitali Ukrena.
Antonio Guterres kien qed iżur lill-Ukrajna wara żjara sinifikanti fir-Russja fejn kellu taħditiet wiċċ-imb-wiċċ mal-President Russu Vladimir Putin.
Intant, il-Kap tan-NU, issa, qal li jrid jgħin jorganizza l-evakwazzjonijiet umanitarji minn Mariupol; il-belt Ukrena prinċipali li ilha l-ġimgħat taħt assedju mill-militar Russu u fejn numru kbir ta’ familji qegħdin ibatu l-agħar konsegwenzi tal-gwerra.
Waqt iż-żjara, Guterres żar, fost oħrajn, l-inħawi ta’ Borodyanka, Bucha u Irpin fejn ra xeni ta’ qerda kbira. Filwaqt li dawn l-ibliet huma magħrufin għall-massakri taċ-ċivili Ukreni, fl-inħawi qed jispikkaw il-mijiet tal-bini mfakkrin mill-bombi tar-Russi u b’konsegwenza tal-battalji ħorox bejn it-truppi ta’ Putin u d-difensuri Ukreni.
Il-Ġeneral Ukren Olexandr Pavlyuk, li jmexxi lill-amministrazzjoni militari fir-reġjun ta’ Kiev, qal li kien importanti li Antonio Guterres jara l-impatt tal-gwerra b’għajnejh stess bil-għan li l-komunità internazzjonali tistinka dejjem aktar biex twaqqaf il-magna tal-gwerra ta’ Moska.
U llum – ladarba l-militar Russu rtira mill-inħawi ta’ Kiev – qed jintensifika l-ġlied bejn il-qawwiet tal-Ukrajna u l-Armata ta’ Moska fl-artijiet Ukreni tal-Lvant. Intant, l-awtoritajiet Ukreni qed jinkwetaw ‘li qegħdin iseħħu l-atroċitajiet ġodda ( mit-truppi ta’ Putin)’ fir-reġjun partikulari li jinkludi z-zona tad-Donbas, okkupat mis-separatisti favur Moska.
Min-naħa tiegħu, Antonio Guterres qal li ċ-ċivili innoċenti ‘dejjem jispiċċaw iħallsu l-ogħla prezz kulmeta tinqala’ gwerra.’ Madankollu, is-Segretarju Ġenerali tan-NU, waqt dawn iż-żjarat, dejjem uża kliem meqjus u tkellem biss dwar il-gwerra b’mod ġenerali u mingħajr ma kritika lir-Russja direttament.
//= $special ?>