Lokali Qorti

Il-Qorti tiċħad appell tal-AĠ li talab biex żagħżugħ mixli li ta n-nar appartament jitlef il-pleġġ

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ċaħdet talba tal-Avukat Ġenerali biex żagħżugħ ta’ 26 sena, li qed iwieġeb mhux ħati li ta n-nar lill-appartament li jgħix fih huwa stess jitlef il-pleġġ li ngħata mill-Qorti. Kurt Lanzon minn Ħal Tarxien qed jiġi mixli li b’mod volontarju ta n-nar lil appartament mikri lilu minn ċertu Sean Micallef u dan skont il-prosekuzzjoni wara li kellu xi jgħid miegħu .

L-allegat inċident seħħ nhar il-Ħamis,, 21 ta’ April ftit qabel is-2.30pm. Il-Qorti laqgħat it-talba tad-difiża u Lanzon ingħata l-pleġġ iżda l-għada li tressaq, jiġifieri nhar it-Tnejn li għadda, sar appell minn naħa tal-Avukat Ġenerali li talab bil-qawwa kollha għar-ri-arrest tiegħu.

Dan minħabba li hemm numru ta’ persuni li għad iridu jixhdu u li jgħixu fl-istess appartament ta’ fejn seħħ l-inċident. Minn naħa tagħha d-difiża mmexxija mill-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb qalet li l-libertà hija d-dritt, aktar u aktar meta l-akkużat għandu fedina penali netta u qagħad għal kull ordni tal-Qorti.

Lanzon qed jiġi mixli wkoll li għamel ħsarat f’proprjetà li tinsab f’Ħal Tarxien stess ta’ madwar €2,500 għad-dannu ta’ Micallef kif ukoll li kemm-il darba heddu bi vjolenza. L-ispetturi Mario Xiberras u Darren Buhagair mexxew il-prosekuzzjoni qalu lill-Qorti li Lanzon, li jaħdem bħala xufier ta’ ‘tow truck’, kien marbut mad-delitt wara li skoprew messaġġi ta’ theddid wara nvestigazzjoni fuq graffiti mal-ħajt tal-appartament bi spray ta’ kulur aħmar.

Mill-investigazzjoni ħareġ li ma kienx hemm sgass u l-ħruq tas-sufan li nfirex, ingħata minn xi ħadd li għandu ċ-ċavettatal-post. Il-messaġġ biiż-żebgħa kien jgħid “waslet tiegħek Ryan”. Il-Pulizija stabbiliet li, erba’ sigħat biss qabel, l-akkużat kien xtara bott ta’ żebgħa bi spay aħmar minn ħanut taż-żebgħa fil-qrib. Il-Pulizja reġgħu kellmu l-akkużat li qalilhom dakinhar tal-ħruq ħareġ kmieni għax-xogħol u wassal lit-tfajla l-isptar fejn hija taħdem u ma marx lura l-appartament.

Qal li mar wara li ċemplulu u qalulu li l-appartament qed jaqbad. Il-Prosekuzzjoni spjegat li mill-mobile tal-akkużat ħareġ li hu kien fl-inħawi tal-appartament bejn is-2.10 u 2.30pm, fil-ħin li kien in-nar infirex mal-post. Il-prosekuzzjoni qalet metal-Pulizija kellmu lil xi ħwienet taż-żebgħa fil-qrib, skoprew li erba’ sigħat qabel il-ħruq, l-akkużat xtara bott żebgħa li kien jaqbel ma’ dik miktuba fuq il-ħajt.

Ħareġ li l-għada tal-ħruq, l-akkużat ċempel lil sid il-post u heddu u qallu “tiegħek għadha ġejja”. L-akkużat qed jinnega dak kollu li qed jiġi mixli bih, u qed jikkontendi li huwa mhux se jagħti n-nar post li jgħix fih. Il-Qorti meta tressaq il-Ħadd kienet laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €7,000 u garanzija personali ta’ €20,000, liema pleġġ ġie kkonfermat għat-tieni darba mill-Imħallef Giovanni Grixti.