Net News jista’ jikkonferma li l-vapur Nikolaos mhux se jkun qed jintuża’ għax-xahar li ġej għaliex intbgħat lura l-Greċja għall-manutenzjoni.
Skont sorsi li tkellmu ma’ Net News, din il-manutenzjoni kienet skedata li ssir għal dan iż-żmien tas-sena; manutenzjoni fuq bastiment li huwa wieħed relattivament antik.
Mhux ċar x’tip ta’ manutenzjoni qed issir jew kemm din se tiswa biex issir – dan apparti l-fuel li jrid jintuża’ biex isir dan il-vjaġġ minn Malta għall-Greċja, u lura.
Din l-informazzjoni li għandu Net News tfisser li l-flotta tal-vapuri tal-Gozo Channel se tkun ridotta minn issa sas-26 ta’ Mejju meta n-Nikolaos huwa skedat li jasal lura f’pajjiżna biex jopera għal-żmien is-Sajf fejn diversi turisti u Maltin jifrekwentaw il-gżira Għawdxija iktar minn kull żmien ieħor tas-sena.
Dan il-bastiment ilu jopera bejn iż-żewġ gżejjer sa mill-2019, u huwa mikri mill-Gvern Malti. Bis-servizzi tiegħu jiswa mat-13,000 ewro kuljum.
//= $special ?>