Liverpool mistennija jiftħu n-negozjati ma’ Jurgen Klopp wara li indika li lest jibqa’ mal-club wara l-2024. Dan minkejja li f’intervisti preċedenti Klopp issuġerixxa li ma kienx se jġedded il-kuntratt tiegħu wara li jintemm. Mike Gordon, il-president ta’ Fenway Sports Group li huma s-sidien ta’ Liverpool vjaġġa lejn Liverpool wara r-rebħa fis-semi finali tal-UEFA Champions League għat-taħdiet mal-kowċ Ġermaniż.
Klopp li ilu fit-tmexxija ta’ Liverpool sa mill-2015 għadu fiċ-ċans li jirbaħ l-erba’ tazzi li Liverpool qed jikkompetu fihom dan l-istaġun, wara li r-rebħa ta’ 2-0 fuq Villarreal, tefagħtom f’pożizzjoni tajba li jaslu sal-finali. Apparti li fi Frar huma rebħu l-Carabao Cup, huma jinsabu f’taqtigħa ma’ Man City għar-rebħ tal-Premier League filwaqt li waslu wkoll sal-finali tal-FA Cup, fejn se jaffrontaw lil Chelsea.
Ma’ Liverpool Klopp rebaħ ħames unuri fis-seba’ snin tiegħu mal-club, fosthom il-Premier League wara nuqqas ta’ 30 sena fl-istaġun 2019/20, u ċ-Champions League fl-2019.
//= $special ?>