“Il-Malta Police Union (MPU) dejjem kienet, u se tibqa’ minn ta’ quddiem biex tagħmel dak kollu meħtieġ biex tikseb drittijiet għall-membri tagħha fosthom il-kunċett ta’ “Right to Strike” (Dritt ta’; Strajk). Il-Unjon għalhekk ippreżentat kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti, fil-Ġurisdizzjoni tagħha bħala Kostituzzjonali) biex tikseb drittijiet ta’ negozjar kollettiv u Azzjoni sħiħa kif ikkontemplat fil-“European Social Charter” li jorbot maċ-Charter tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Il-kawża li ġiet preżentata kontra l-Avukat tal-Istat u l-Kummissarju tal-Pulizija tgħid li Malta ratifikat l-European Social Charter fl-4 t’Ottubru 1988 u l-Protokoll sussegwenti fis-16 ta’ Frar 1994. Malta irratifikat ukoll r-revizjoni tal-European Social Charter fis-27 ta’ Lulju 2005.
Illi skont l-Artikolu 67A(1) tal-Kapitolu 452, membru ta’ forza dixxiplinata jista’ jissieħeb fi trade union reġistrata tal-għażla tiegħu. Minkejja li trade union tista’ tinnegozja kondizzjonijiet ta’ impieg m’għandha l-ebda dritt tieħu azzjoni oħra fil-forza dixxiplinata bi ħsieb ta’ tilwima jew biex din it-tilwima titmexxa ’l quddiem.
Dan ifisser illi trade unions qegħdin jiġu mcahhda mid-dritt tagħhom li jinnegozjaw bis-sħiħ f’isem il-membri ta’ forza dixxiplinata. Id-dritt ta’ strajk ta’ ċertu uffiċjali pubbliċi jista’ jiġi ristrett b’mod assolut taħt l-Artikolu G tal- European Social Charter għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddiehor jew għall-protezzjoni ta’ interess pubbliku, sigurtà nazzjonali, saħħa pubblika, jew morali.
Ir-rikors li ġie ffirmat mill-Avukat David Bonello jgħid ukoll li skont l-Artikolu 6(4) tal-European Social Charter, projbizzjoni assoluta fuq id-dritt tal-istrajk, kif stabbilit f’Artikolu G, tista’ tiġi kkunsidrata f’konformita’ mal-artikolu 6(4) biss jekk ikun hemm raġunijiet konvinċenti biex jiġu ġġustifikati.
Skont rapport li sar fl-2014 mill-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-kumitat ikkonkluda li s-sitwazzjoni f’Malta rigward il-projbizzjoni ghad-dritt tal-istrajk għall-membri ta’ forza dixxiplinata mhijiex konformi mal-Artikolu 6(4) tal-European Social Charter għar-raġuni li l-projbizzjoni assoluta ghad-dritt tal-istrajk tal-pulizija tmur lil hinn mil-limiti permessi mill-Artikolu G.
Sussegwentament, ir-rapport jgħid li ma hemm l-ebda indikazzjoni u raġunijiet konvinċenti li jiġġustifikaw restrizzjoni assoluta fuq id-dritt ghall-istrajk għall-uffiċjali tal-pulizija. L-Artikolu 67A(2)(b) tal-Kapitolu 452 qiegħed jirrestrinġi d-drittijiet u l-libertajiet bażiċi tal-uffiċjali tal-pulizija billi jneħħi id-dritt fundamentali tagħhom għall-istrajk.
Bħala Union li tirrapreżenta membri tal-forzi dixxiplinati, speċifikament membri tal-Korp tal-Pulizija, l-MPU għandha interess li tinbidel din is-sitwazzjoni u allura ma tibqax din r-restrizzjoni assoluta fuq id-dritt tal-istrajk għall-uffiċjali tal-Pulizija.
Ghaldaqtsant, qed titlob lill-Qorti sabiex tiddikjara li ċ-ċahda assoluta fuq id-dritt ta’ strajk għall-membri tal-forza dixxiplinata, fosthom il-membri tal-korp tal-Pulizija abbazi ta’ Artikolu 67A(2)(b) tal-Kapitolu 452 ma titqiesx kompatibbli mal-Artikolu 6(4) tal-European Social Charter.
Għaldaqstrant l-MPU qed tiddikjara li permezz ta’ tali stat ta’ fatt, qed jinksru d-drittijiet u l-libertajiet bażiċi tal-ufficjali tal-Pulizija. Hija qalet li tista’ tiddeċiedi u tieħu kull deċizjoni oħra neċċessarja li hemm bżonn sabiex il-Qorti twaqqaf ċ-ċahda assoluta fuq d-dritt tal-istrajk tal-membri tal-korp tal-Pulizija. Hija se tibgħat ukol l-atti għall-attenzjoni tal-Awtoritajiet kompetenti fosthom lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti sabiex jieħdu konjizzjoni u jaġixxu fuq d-deċizżoni tal-Qorti.
//= $special ?>