Internazzjonali

L-Indja: Miljuni qed ibatu minn mewġa ta’ sħana straordinarja

L-Indja bħalissa għaddejja minn mewġa tas-sħana li kapaċi tħalli riperkussjonijiet katastrofiċi għal miljuni ta’ nies u bi ftit li xejn sinjali li t-temperaturi jistgħu jonqsu fil-jiem li ġejjin.

Is-sitwazzjoni serja qed tħasseb sew lill-Gvern tal-Prim Ministru Narendra Modi li, flimkien mal-Ministri tal-Istati Indjani, qed jevalwa l-impatt tas-sħana li qed jiżdied minn jum għal jum u fi żmien li s-soltu ma jkunx karatterizzat mis-sħana insapportabbli..

Id-Dipartiment Meteoroloġiku tal-Indja qed ibassar żieda, fil-jiem li ġejjin, ta’ bejn tnejn u erba’ gradi Celsius fid-diversi bnadi taċ-ċentru u l-majjistral ta’ dan il-pajjiż. Hemm ukoll tħassib li s-sħana qawwija se tkompli tiddomina għal diversi jiem fost indikazzjonijiet li l-elementi tas-sajf qegħdin jolqtu lill-pajjiż qabel iż-żmien. Dan meta t-temperatura medja fl-Indja qed tkun irreġistrata bħala l-ogħla fil-pajjiż għal dawn l-aħħar 122 sena.

L-esperti sostnew li l-heatwaves mhux tas-soltu bħalissa qegħdin jaffettwaw lil xi 15-il Stat Indjan, fosthom l-Istat ta’ Himachal Pradesh, lejn in-naħa ta’ fuq tal-Indja. Sadanittant, is-sħana f’Delhi, il-kapitali tal-Indja, mistennija li taqbeż l-44 grad Celsius matul din il-ġimgħa.

Din il-mewġa ta’ sħana kontinwa qed tkun attribwita lil diversi fatturi fl-atmosfera u wara li ma niżlitx daqstant xita fuq l-Indja qabel l-istaġun tal-monsoon.

Effett ieħor li qed jinħass sew hi n-nixfa partikulari f’numru ta’ Stati Indjani, fejn il-bdiewa qed jistennew impatt ħażin għall-produzzjoni tal-qamħ minħabba l-qabża fenomenali fit-temperaturi. Din is-sitwazzjoni  kapaċi tħalli wkoll il-konsegwenzi għad-dinja, meta wieħed iqis ukoll l-effett tal-gwerra tal-Ukrajna għat-trasport tal-qmugħ lejn numru ta’ pajjiżi.

Is-sħana fenomenali wasslet anki għal żieda sostanzjali fid-domanda għall-enerġija fl-Indja fejn diversi Stati qegħdin ibatu min-nuqqas fil-provvista tad-dawl, fost l-inkwiet li l-provvisti tal-faħam qegħdin jonqsu drastikament minħabba s-sitwazzjoni.