Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

L-Unjoni Ewropea u n-NATO magħquda f’solidarjetà mal-poplu Ukren

Il-Ħamis filgħodu l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola indirizzat konferenza tal-aħbarijiet flimkien mas-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg.

Stoltenberg qal li dan huwa mument kruċjali hekk kif l-Unjoni Ewropea u n-NATO jinsabu magħquda f’solidarjetà sħiħa mal-poplu Ukren. Fakkar kif l-Unjoni Ewropea imponiet sanzjonijiet u qed tipprovdi sapport finanzjarju lill-Ukrajna.

Stoltenberg qal li bħalissa, iktar minn qatt qabel huwa importanti li jkun is-sapport kollu possibbli lejn dan il-pajjiż u lejn dan il-popli li qed isofri. Huwa qal li l-valuri tad-demokrazija u tas-saltna tad-dritt qed ikunu imxekkla mir-Russja u għalhekk issa huwa iż-żmien fejn l-Unjoni Ewropea u n-NATO jingħaqdu iktar minn qatt qabel.  

Roberta Metsola qalet li wara l-laqgħa li kellha fl-Ukrajna mal-President Zelensky, ħareġ fiċ-ċar kemm hemm bżonn iktar għajnuna militari u assistenza effettiva lejn dan il-poplu… u l-Parlament Ewropew se jara li dan ikompli jsir. Hija qalet li dan il-Parlament se jkompli jibni fuq din il-koordinazzjoni man-NATO hekk kif it-tnejn li huma jagħti importanza kbira lill-valuri fundamentali fosthom li l-Ukrajna tkun tista’ tiddefendi lilha nnifisha.  

Jens Stoltenberg qal li jekk il-Fillandja u l-Iżvezja jiddeċiedu li jridu jingħaqdu man-NATO, se jkunu milqugħha f’din l-alleanza militari.