Minkejja li jrid li n-negozjanti jiddejnu mal-Gvern l-għajnuniet futuri li jistgħu jingħataw f’każ ta’ kriżijiet li ma jkunux fil-kontroll tagħhom, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li l-Partit li jmexxi hu “il-partit tax-xogħol”.
Hu ddikjara dan meta kien qed jindirizza l-Konferenza Ġenerali tal-Labour, fiċ-Ċentru Nazzjonali, fejn flimkien mal-kumplament tat-tmexxija tal-Partit, qed jitlob l-appoġġ biex ikompli fil-kariga.
Fid-diskors tiegħu, Abela ma għamel l-ebda referenza għall-wegħda 174 tal-Manifest Elettorali tal-Labour għall-elezzjoni ġenerali tax-xahar li għadda, li kienet tgħid li l-Gvern se jkun qed jagħti għajnuna ta’ kull xahar għal sitt xhur biss, iżda mbagħad, il-“kumpanija milquta tkun trid tippreżenta pjan ta’ rkupru u l-benefiċċju għandu jitħallas lura fuq medda ta’ ħames snin”.
Din il-wegħda partikolari hi inkwetanti fid-dawl tal-fatt li n-negozjanti f’pajjiżna qed jiffaċċjaw sfidi ġodda kawża tal-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna. Fost l-oħrajn, in-negozjanti qed jikkummentaw kif l-ispejjeż qed jiżdiedulhom ta’ kuljum, partikolarment fit-trasport u fi spejjeż oħrajn bħall-fuel.
Għaldaqstant, huma diversi n-negozjanti li qed jistennew li l-Gvern jgħin kemm jista’ biex ikunu salvati l-impjiegi. Madankollu, huma inkwetati jekk ħames snin ikunu biżżejjed biex jiġu fuq saqajhom ħalli jroddu lura l-flejjes li l-Gvern ikun sellifhom.
Min-naħa tiegħu, u meta eluf ta’ Maltin u Għawdxin qed jiġġieldu ta’ kuljum biex ilaħħqu mal-ħajja, bil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali jogħlew ta’ kuljum, id-Deputat Mexxej Laburista Chris Fearne qal li f’10 snin, il-Labour fil-Gvern naqqas il-faqar.
Barra minhekk, hu anke qal li l-Partit Laburista dejjem kien il-Partit tad-Demokrazija, meta l-istorja turi mod ieħor.
Fil-fatt, Fearne bħal qisu pprova jnessi kif kien il-Partit Laburista li għamel minn kollox biex jinjora l-vot tal-poplu ftit tas-snin ilu biex pajjiżna seta’ jissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Dakinhar, il-Labour kien ipprova jinkludi lil dawk li ma vvotawx, fosthom mejin, daqslikieku kienu vvotaw kontra s-Sħubija Sħiħa.
Aktar riċenti, anqas minn tliet snin ilu biss, Uffiċjali tas-Sigurtà tal-Gvern kienu sakkru lil ġurnalisti f’kamra f’Kastilja għax ma riedux li l-media tistaqsi lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat.
U d-Deputat Mexxej l-ieħor, Daniel Micallef, ikkonferma li fil-Partit Laburista għad hemm esponenti xettiċi dwar il-mekkaniżmu li bih żdiedu n-nisa fil-Parlament. Dan minkejja li l-Labour ipprova jagħmel dan il-mekkaniżmu l-ġdid daqslikieku kienet xi ħaġa tiegħu, kif ukoll jgħid li hu l-aktar Gvern femminista fl-istorja.
//= $special ?>