Internazzjonali

Afganistan: Indikazzjonijiet ta’ konflitt ġdid fost il-movimenti kontra t-Taliban

Afganistan

L-Afganistan, fil-ġimgħat li ġejjin, jista’ jgħaddi minn perjodu ġdid ta’ konflitt fost sinjali li qed jirranka moviment lokali kontra t-Taliban li ilu jamministra lill-pajjiż mis-sajf li għadda wara nuqqas ta’ 20 sena.

Fil-fatt, eks Kmandant tal-Armata Afgana, il-Ġeneral Sami Sadat, qal li hu u diversi eks suldati u politiċi Afgani qed iħejju għal gwerra ġdida kontra l-militanti Iżlamiċi fil-Gvern. Dan meta Sadat u oħrajn li kienu jiffurmaw il-Gvern Afgan preċedenti qalu li l-aħħar xhur ta’ tmexxija mit-Talibani konvinċiethom li l-Afganistan jista’ biss jara futur aħjar jekk huma jikkonfrontaw lill-militanti Iżlamiċi.

L-indikazzjonijiet huma li l-azzjoni militari ġdida fl-Afganistan kapaċi tibda x-xahar id-dieħel wara l-festival Iżlamiku ta’ Eid u meta l-eks Ġeneral tal-Armata għandu jirritorna fl-Afganistan.

It-Taliban, f’Awwissu, kien ħataf lura l-kontroll tal-Afganistan wara offensiva militari rapida li ftit iltaqgħet ma’reżistenza fost l-irtirar tal-qawwiet barranin mill-pajjiż. Dan ukoll waqt li l-aħħar qawwiet tan-NATO kienu qed itemmu l-kampanja militari fl-Afganistan wara 20 sena

Issa, il-Ġeneral Sadat qal lill-BBC li hu u oħrajn lesti biex jagħmlu minn kollox ħalli jaċċertaw li l-Afganistan jeħles mit-Taliban. Hemm ukoll il-ħsieb li s-sostenituri tal-Ġeneral jintroduċu sistema demokratika ġdida fil-pajjiż f’każ li jirnexxilhom ikeċċu lit-Talibani minn Kabul.  

Fl-aħħar xhur, it-Taliban kompla jintroduċi l-liġijiet primittiv u ħorox għall-poplu fosthom limitazzjonijiet kbar għad-drittijiet tan-nisa u l-bniet. Intant, il-moviment li beħsiebu jirreżisti lill-militanti Iżlamiċi qed jaħseb biex il-pajjiż jiftaħ paġna ġdida ladarba tispiċċa t-tmexxija awtoritarja.

Il-Ġeneral Sadat qal ukoll li l-aħħar tmien xhur tat-tmexxija mit-Taliban ġabet miżerja ġdida għall-Afgani li qed ibatu b’kaġun tal-misinterpretazzjoni tal-Koran mill-istess militanti Iżlamiċi li qegħdin jużaw ir-reliġjon għall-iskopijiet politiċi.