Lokali

BirdLife tirribatti l-istqarrija maħruġa mill-Gvern

L-għaqda BirdLife Malta qed tinsisti illi l-Gvern għandu jammetti ċar u tond li mhux kapaċi li jkollu l-istampa sħiħa tal-ammonti ta’ Gamiem li jinqatlu fil-Gżejjer Maltin.

Fi stqarrija, BirdLife sfidaw ukoll lid-WBRU biex tkun onesta u tammetti li s-sistema diġitali tagħha għar-rappurtaġġ tal-qbid tal-għasafar għandha problemi serji, u dan qed iwassal biex il-kaċċaturi la jistgħu u lanqas iridu jipparteċipaw f’din is-sistema.

Fl-aħħar ġimgħat BirdLife Malta rċeviet informazzjoni anke mingħand xi kaċċaturi ġenwini li s-sistema mħaddma mid-WBRU mhix qed taħdem u meta ppruvaw jidħlu biex jirrappurtaw il-qabdiet tagħhom ma setgħux jaqbdu. Linformaturi ssostanzjaw dan b’kummenti fi ħdan gruppi tal-lobby tal-kaċċaturi, inkluż fi screenshots li BirdLife Malta llum qed tippubblika għall-midja.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal: “Għal darba oħra jkollna ntennu li din mhi xejn ħlief farsa u li kieku ma kinitx il-kaġun ta’ qtil indiskriminat ta’ Gamiem, li riesaq lejn l-estinzjoni, is-sitwazzjoni kienet tkun
tad-daħk. Għall-kuntrarju, imma, din hija materja serja u d-WBRU qed tfalli flimpenn tagħha li tħares din id-deroga u qed tirrendiha illegali – għax qed jinqatel għasfur bi status Vulnerabbli – u anke għaliex ma jeżisti l-ebda kontroll
serju.

Aħna tlifna l-fiduċja li jirnexxilna nikkonvinċu lill-Gvern li jagħmel dak li hu sewwa u qed nistennew li tkun il-Kummissjoni Ewropea li tisfida dan il-ksur tad-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar kemm jista’ jkun malajr.”

Skont id-deroga li tinsab fis-seħħ bħalissa, il-kaċċaturi huma obbligati jiddikjaraw kull Gamiema li jisparaw fuqha lid-WBRU, li hija t-taqsima responsabbli għal kwistjonijiet relatati mal-kwoti u l-liċenzji tal-kaċċa, u hi wkoll responsabbli li tiġġustifika l-istess deroga mal-Kummissjoni Ewropea.

Fis-seħħ hemm kwota ta’ 1,500 Gamiema għal staġun mifrux bejn is-17 u t-30 ta’ April għal aktar minn 8,000 kaċċatur bil-liċenzja, u jekk din il-kwota tintlaħaq qabel it-30 ta’ April, kif nemmnu li ġara, l-istaġun tal-Gamiema jkollu jingħalaq.

Tradizzjonalment, waqt id-derogi tal-kaċċa fir-rebbiegħa dejjem kellna dikjarazzjoni limitata ta’ ftit mijiet ta’ għasafar tul l-aħħar ftit jiem tal-istaġun biex ikun żgurat li l-istaġun ma jagħlaqx qabel iż-żmien, jiġifieri t-30 ta’ April. Naturalment dawn il-qabdiet tal-aħħar minuta bl-ebda mod ma għandhom xi konnessjoni ma’ xi passa qawwija ta’ Gamiem fuq il-Gżejjer Maltin fl-aħħar talistaġun!