Sport Waterpolo

Birżebbuġa jtemmu s-serje negattiva ta’ telfiet … Valletta aktar viċin ir-rebħ tal-Ewwel Diviżjoni

(Ritratt: Timmy Cutugno)

Rapport: Stewart Said

SIRENS MECCA MARIN……… 8

BIRŻEBBUĠA FREEPORT……. 8

(4-2), (1-0), (2-3), (1-3)

Birżebbuġa Freeport irritornaw għar-rebħ tal-punti għall-ewwel darba mid-19 ta’ Marzu. Bi sforz kollettiv irnexxielhom jirkupraw minn żvantaġġ ta’ kważi l-logħba kollha u setgħu anki rebħu l-logħba lejn it-tmiem. Fil-konfront preċedenti bejn it-tnejn f’din il-kompetizzjoni, Sirens kienu ħarġu rebbieħa b’mod komdu. Din id-darba l-istorja kienet differenti.

Sirens kellhom vantaġġ ta’ żewġ gowls fl-ewwel sessjoni, vantaġġ li sa dak il-ħin kien meritat. It-tieni sessjoni żammet ir-ritmu kwiet tagħha, bit-timijiet iżda jonqsu li jkunu perikolużi quddiem il-lasta. Ma kinitx sorpriża li kien biss Gianni Farrugia li rnexxielu jsib ix-xibka u għamel l-iskor 5-2.

Birżebbuġa wettqu r-reazzjoni li kienet mistennija minnhom fit-tielet sessjoni. Wara li Sirens kabbru l-vantaġġ għal 7-3, Birżebbuġa naqqsu d-distakk bin-nofs b’gowls ta’ Giuseppe Mannino u David Cutajar. Dan wassal biex l-aħħar sessjoni żiedet ftit fl-eċċitament, bl-aktar il-kowċ ta’ Birżebbuġa Pierre Borg li beda jħeġġeġ lill-plejers tiegħu biex jibqgħu jissieltu. Ben Grech naqqas id-distakk għal gowl biss iżda naqsu li jġibu d-draw.

Il-logħba baqgħet inċerta sal-aħħar, b’Neil Cassar iwieġeb mill-ewwel għall-gowl ta’ Jacob Sciberras. Ben Grech saħansitra ġab id-draw b’anqas minn minuta għat-tmiem. Fl-aħħar sekondi, iż-żewġ kowċis sejħu time-out bl-għan li jorganizzaw l-aħħar attakk tagħhom, iżda minkejja li resqu qrib ma sabux il-gowl tar-rebħa.

Sirens: T. Micallef, P. Serracino, K. Erdogan (1), J. Sciberras (1), J. Zerafa Gregory (2), G. Farrugia (2), M. Chircop, I. Riolo, J. Napier, M. Cutajar, M. Sciberras (1), M. Azzopardi (1), M. Bonello Dupuis, K. Agius,

Birżebbuġa: M. Sladden, J. Farrugia (1), N. Cassar (1), B. Grech (2), C. Mifsud (1), R. Mock, G. Mannino (1), D. Cutajar (1), C.D. Borg, K. Tanti (1), R. Spiteri, M. Curmi, M. Vassallo, D. Incorvaja, G. Sammut

Referees: Massimo Angileri, Ronnie Spiteri

VALLETTA IZIBET………………. 9

TA’ XBIEX AMIGOS…………….. 7

(2-2), (2-2), (0-2), (5-1)

Valletta Izibet jinsabu f’xifer ir-rebħ tal-Ewwel Diviżjoni meta kellhom jirkupraw minn żvantaġġ doppju biex għelbu lit-tim żagħżugħ ta’ Ta’ Xbiex. It-tim ta’ Joe Cremona ħa vantaġġ mill-okkażjonijiet li kellu fl-aħħar sessjoni biex evita telfa sorpriża.

Kien Luke Hyzler li poġġa lil Valletta minn fuq minn man-up iżda Ta’ Xbiex dawru r-riżultat sakemm Michele Mifsud ġab id-draw eżatt mat-tmiem tal-ewwel sessjoni. Ta’ Xbiex reġgħu marru minn fuq fit-tieni sessjoni, sakemm doppjetta f’nofs minuta ta’ Michele Mifsud dawret ir-riżultat. Madankollu Elijah Schembri ġab id-draw.

It-tim ta’ Dejan Simeonov kien aktar kompatt u rnexxielhom jiksbu vantaġġ doppju ta’ 6-4 b’gowls ta’ Zak Cutajar Licari u Jayden Cassar. Sa ħames minuti mit-tmiem, Ta’ Xbiex baqgħu b’żewġ gowls vantaġġ.

Hawn bdiet ir-rimonta ta’ Valletta, b’Michele Mifsud inaqqas id-distakk u minn man-up veloċi, Andrea Agius ġab id-draw ftit sekondi wara. Valletta marru fil-vantaġġ 8-7 bil-ħames gowl tal-logħba ta’ Mifsud wara man-up. Daniel Paolella ssiġilla r-rebħa ftit anqas minn żewġ minuti għat-tmiem.

Valletta: B. Busuttil, O. Zammit, M. Pace, L. Hyzler (2), Z. Micallef, T. Said, D. Paolella (1), M. Mifsud (5), S. Micallef, A. Agius (1), K. Galea, K. Cremona, A. Bugeja

Ta’ Xbiex: R. Coleiro, C.J. Saliba, E. Aquilina (2), J. Pace Mizzi, S. Engerer, Z. Cutajar Licari (2), J. Cassar (1), E. Schembri (2), B. Attard Littschwager, P. Tabone, J. Chircop, D. Galea Mule

Referees: Alex de Raffaele, Richard Magri

Logħob li jmiss

Għada

L-Ewwel Diviżjoni

Marsaskala v Barracudas 4.00pm

Kampjonat Premier

San Ġiljan v Exiles 5.05pm, Sliema v Neptunes 6.10pm