Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Attakk ‘umiljanti’ fuq Kiev waqt iż-żjara tas-Segretarju-Ġenerali tan-NU

L-Armata tar-Russja, fl-aħħar sigħat, sparat il-missili lejn Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, f’ħin meta s-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti , Antonio Guterres, kien għaddej bi żjara fil-pajjiż.

Filwaqt li Guterres ma ġralu xejn f’dan l-attakk, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, ikkundanna lir-Russja ‘għan-nuqqas ta’ rispett sfaċċat’ għall-organizzazzjonijiet internazzjonali waqt li qal li l-isparatura kellha l-intenzjoni speċifika li ‘tumilja lill-Ukreni’.

Sadanittant – u waqt li Guterres qed janalizza l-aħjar mezzi biex jgħin liċ-ċivili Ukreni jsalvaw mill-impatt tal-gwerra  – hu ikkritika lill-Kunsill tas-Sigurtà tal-istess NU ‘talli naqas milli jwaqqaf jew itemm il-konflitt fl-artijiet Ukreni’.

Is-Segretarju-Ġenerali tan-NU tenna li dan il-falliment hu ‘sors ta’ rabja u diżappunt kbir’ għalih. Dan meta l-Kunsill tas-Sigurtà ta’ ħmistax il-pajjiżi-membri ma rnexxilux jieħu azzjoni waħda sinifikanti lejn it-twaqqif tal-konflitt fl-Ukrajna mindu t-truppi ta’ Moska daħlu fl-artijiet tal-ġar fl-24 ta’ Frar.

Ir-Russja — bħala l-aggressur f’dan il-konflitt – hi fost il-ħames membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà u fl-aħħar jiem, hi eżerċitat id-dritt tal-veto diversi drabi fil-konfront tar-riżoluzzjonijiet (tan-NU) relatati mal-gwerra fl-Ukrajna.

Sadanittant, Antonio Guterres qed iħeġġeġ biex l-Ukreni ma jaqtgħux qalbhom waqt li qal li n-NU qed tistinka biex tipprovdi l-għajnuna, flus, ikel u forom oħra ta’ appoġġ lil dan il-poplu.

Mistoqsi jekk hux inkwetat li l-konflitt tal-Ukrajna kapaċi jiżviluppa f’Tielet Gwerra Dinjija, Guterres wieġeb li l-komunità internazzjonali suppost li lanqas biss qed taħseb dwar xenarju daqstant apokalitiku.

Min-naħa tiegħu, Volodymyr Zelensky qal li s-Segretarju Ġenerali tan-NU kellu l-opportunità biex jara personalment ‘ir-reati tal-gwerra kollha’ li wettqu s-suldati Russi fl-Ukrajna.

Fl-istess ħin, il-President Zelensky mill-ġdid fisser l-azzjonijiet tar-Russja f’pajjiżu bħala ‘ġenoċidju’.  Dan meta r-Renju Unit għandu jipprovdi lill-Ukrajna bl-esperti biex jgħinu għall-ġbir ta’ provi u informazzjoni għall-prosekuzzjoni ta’ reati kontra l-umanità fl-artijiet Ukreni.

L-Ukrajna, bħalissa, qed tinvestiga mas-7,600 reat tal-gwerra fl-artijiet tiegħu, bil-‘lenti’ qed taqa’ fuq madwar 500 suspettat mal-militar Russu.