Il-gwerra tar-Russja fuq l-Ukrajna bdiet b’attentat tal-militar ta’ Moska biex jaħtaf il-kontroll fi Kiev, bil-ħsieb li ‘jibdel drastikament’ il-Gvern tal-President Ukren Volodymyr Zelensky.
U għalkemm falla l-pjan biex Moska tqiegħed Gvern ‘pupazz’ minflok l-amministrazzjoni preżenti, l-Istati Uniti qed tgħid li r-Russi li ħatfu l-kontroll fl-artijiet tal-lvant u n-nofsinar tal-Ukrajna qegħdin ‘jirriformaw bil-forza’ lill-gvernijiet lokali.
Skont l-Ambaxxatur Amerikan, Michael Carpenter, l-Istati Uniti għandha l-informazzjoni li r-Russja qed tippjana biex ixxolji lill-gvernijiet muniċipali tal-Ukrajna. Dan meta l-pjan ta’ Moska għandu jinvolvi anki ‘strutturi ta’ tmexxija ġodda li jinkorporaw ukoll il-kostituzzjonijiet ġodda’.
Fl-istess ħin, il-pjan tar-Russja jesiġi biex kull Ukren li jappoġġja lill-Gvern leġittimu ta’ pajjiżu jispiċċa projbit minn post fi kwalunkwe leġislattiv jew entità amministrattiva tal-Ukrajna. U għalkemm l-Ambaxxatur Carpenter ma żvelax is-sors ta’ din l-informazzjoni hu insista li qed jibbaża kliemu fuq ‘data u indikazzjonijiet li tista’ torbot fuqhom’ .
//= $special ?>

