Filwaqt li qed ikomplu l-isforzi biex iċ-ċivili Ukreni jinħarġu mill-belt tal-port ta’ Mariupol, in-Nazzjonijiet Uniti tinsab inkwetata ‘aktar minn qabel’ dwar is-sitwazzjoni umanitarja fit-territorji ….Dan meta Mariupol tinsab okkupata kważi għal kollox mit-truppi Russi.
Din il-ġimgħa, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, qal li qed iħejji għal taħditiet u inizjattivi ġodda għat-twaqqif ta’ rotot umanitarji f’Mariupol. Hu anki ddiskuta dan il-pass waqt laqgħa fi Kiev mal-President Ukren, Volodymyr Zelensky.
Fl-aħħar ġimgħat, fallew l-isforzi ripetuti għall-evakwazzjoni ta’ eluf ta’ ċivili minn Mariupol u fejn ir-Russi kemm-il darba kisru l-ftehim għall-hekk-imsejjaħ ‘safe passage’ tan-nies li ilhom il-ġimgħat ibatu l-bumbardamenti ripetuti.
L-iskop wara r-rotot umanitarji fil-parti kbira ma rnexxiex matul din il-gwerra… Dan għaliex ir-Russi – minkejja l-ħafna kliem fieragħ minn Moska – baqgħu jibbumbardjaw l-ibliet Ukreni flimkien maz-zoni li setgħu jintużaw għall-evakwazzjoni taċ-ċivili.
Ir-Russja anki qed tiffaċċja akkużi dwar ir-rilokazzjoni sfurzata ta’ eluf ta’ ċivili Ukreni lejn ir-Russja inkella lejn ir-reġjuni kontrollati mir-Russi.
U għalkemm il-President Russu, Vladimir Putin, qabel fi prinċipju dwar l-involviment tan-NU u s-Salib l-Aħmar fl-evakwazzjoni taċ-ċivili Ukreni, l-uffiċjali fi Kiev għandhom dubji kbar kemm Putin għandu ‘jonora u jirrispetta’ l-obbligi umanitarji waqt il-konflitt.
//= $special ?>