Lokali

Il-Kap tal-PN jappella għal politika biex il-ħaddiem jimxi ‘l quddiem

Hu importanti li pajjiżna jagħmel investiment f’xogħol ta’ kwalità, filwaqt li l-politiċi jkomplu jiġġieldu l-prekarjat, fosthom b’infurzar għal titjib fil-liġijiet.

Dan kien l-appell tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul Konferenza organizzata mill-UĦM Voice of the Workers fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem.

Bernard Grech qal li hu importanti nifhmu li m’aħniex ngħixu biss għax-xogħol, iżda li jinstab bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jrid politika b’aktar miżuri ambizzjużi biex wieħed jgħix ħajja sana.

Fl-istess waqt, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna l-importanza li l-ekonomija ta’ pajjiżna titrasforma ruħha f’waħda li toħloq aktar ġid, b’setturi ekonomiċi ġodda li jġibu xogħol ta’ kwalità ħalli ħadd majibqa’ lura

Min-naħa tiegħu, f’messaġġ moqri, il-Prim Ministru Robert Abela rrepeta kif il-Gvern tiegħu għamel dak li wieħed jistenna minn Gvern biex ikunu megħlubin l-isfidi tal-aħħar snin. Madankollu, hu ma għamel l-ebda referenza għall-fatt li, f’din il-leġislatura, il-Partit Laburista jrid li għajnuniet futuri fi kwistjonijiet li jxekklu l-ekonomija jintalbu lura min-negozji fi żmien ħames snin.

Sadanittant, f’diskussjoni matul il-konferenza, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għax-Xogħol Ivan Castillo fakkar kemm il-Partit jifhem sew l-importanza tat-trejdunjoniżmu u jappoġġjah għax dan jgħin aktar fil-ġlieda kontra l-prekarjat u favur dawk l-aktar fil-bżonn.

Ivan Castillo kompla li l-unions joħolqu l-aqwa ambjent possibbli għall-ħaddiema u hu xogħolhom li jagħmlu dan. Madankollu, appella lill-Istat li dawn għandhom bżonn ikunu mgħejjunin aktar, fosthom anke b’finanzjamenti meħtieġa biex dawn iwettqu r-riċerki meħtieġa.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef ikkonferma li għad hemm ħaddiema li għadhom qed jiġu sfruttati. Dan meta l-Partit Laburista, qabel ma tela’ fil-Gvern fl-2013, kien wiegħed li se jara li jiġġieled b’zero-tollerance il-prekarjat.

Id-Deputat Mexxej Laburista spiċċa jammetti li fil-Partit Laburista hemm esponenti li ma jaqblux mal-mekkaniżmu biex aktar nisa jkunu fil-Parlament. Dan minkejja li l-Labour qed jibqa’ jagħti x’jifhem li kien xi pijunier biex dan iseħħ.

Min-naħa tagħhom, ħaddiema li pparteċipaw fid-diskussjoni nnotaw fost oħrajn kif, meta wieħed jidħol fid-dettal tal-Liġijiet, jinnota li l-ħaddiem jispiċċa jmur minn taħt. Dan filwaqt li staqsew kif ilna tant nitkellmu dwar il-prekarjat u għadna qed naraw din il-pjaga għadha tiddomina d-dinja tax-xogħol.